San Pawl bena sptar

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 10 ta’ Frar 2020: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fis-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl fil-Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar.

SAN PAWL BENA SPTAR

Il-mard ikidd lill-bniedem. Il-mard jifni mhux biss lil min hu marid, imma wkoll lil dawk li jkunu madwaru. Ma jien qed ngħid xejn ġdid, għax il-mard imissna lkoll. B’mard mhux qed nifhem biss dak li jolqot il-ġisem, għax hemm firxa wiesgħa tal-mard bħalma hija l-għeja mentali, l-aktar dik ikkawżata mill-piżijiet tal-ħajja, bħalma huma ċerti kwistjonijiet li jinħolqu bejn il-kollegi, fil-familja u l-bqija. Hemm ukoll il-mard tal-qalb – mhux qed nirreferi għall-pazjenti b’mard kardjoloġiku, imma għal dawk li qalbhom timrad (jew imarrduhielhom!) bl-uġigħ u d-duluri. Meta l-qalb timrad, ibatu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Hemm imbagħad il-mard morali. Ħadd minna ma huwa meħlus milli jimrad moralment; mhux il-ġisem biss huwa dgħajjef, imma l-għaġna umana tagħna hija fjakka. Hemm imbagħad il-mard spiritwali: dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja tal-ispirtu u għalhekk kapaċi jwassal għal kriżi ta’ fidi.

Mhux qed nagħmel din il-lista biex intaqqal il-qalb jew biex nisraq il-ferħ tal-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl; imma qed nirrifletti dwar il-mard għax laqatni l-fatt li meta l-Appostlu Pawlu wasal f’pajjiżna, Publiju laqqgħu ma’ missieru li kien marid bid-diżenterija; Pawlu talab fuqu u fejqu. Meta n-nies tal-gżira semgħu li Pawlu kellu din il-qawwa tawmaturga, bdew jeħdulu l-morda u Pawlu fejjaqhom. Għalhekk nixtieq nikkontempla lil Pawlu bħala l-mibgħut mis-Sema li jista’ jfejjaq kull għamla ta’ mard tagħna.

Dan Pawlu jagħmlu bil-qalb, anki għaliex hu stess jaf x’inhu l-mard. Huwa stess jgħid: “Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien?” (2 Kor 11:29). Pawlu kien sikwit jilmenta minn “xewka li tqegħditlu f’ġismu” (2 Kor 12:7) li kienet tinkwetah ħafna. Min jistudja lil Pawlu jgħid li din ix-xewka setgħet kienet il-marda tal-epilessija jew xi problema li kellu f’għajnejh – fil-fatt lill-Galatin jgħidilhom: “Għalkemm il-marda f’ġismi kienet ta’ prova għalikom, intom ma stmerrejtunix u anqas stmellejtuni, iżda lqajtuni bħala anġlu ta’ Alla, bħal Ġesù Kristu… li kieku kien jista’ jkun, kontu taqilgħu għajnejkom u tagħtuhomli” (Gal 4:14-15). Hemm interpretazzjonijiet oħra ta’ x’setgħet kienet din id-dgħufija.

Pawlu jifhimna wkoll meta “timrad qalbna”, għax hu wkoll jiltaqa’ ma’ min għattanlu qalbu! Pawlu jaf xi jfisser meta ħabb imma din imħabbtu ma kinitx irreċiprokata. Pawlu jaf xi jfisser meta minħabba l-għira gidbu dwaru u kkalunnjawh. Pawlu jaf xi jfisser meta tkellem imma ma tawhx widen, meta pprova jagħti direzzjoni imma ġew jaqgħu u jqumu minnu. Pawlu jaf xi jfissru l-partiti fi ħdan l-istess komunità! Pawlu jaf xi jfisser meta għamlu għalih u keċċewh!

Meta Pawlu jgħid li ħafna drabi sab ruħu qed jagħmel dak li ma riedx, ifisser li hu ġarrab xi jfisser il-mard morali u dak tal-ispirtu. Dan jiġri lili u lilkom, għax ir-rieda tagħna mhix soda biżżejjed – ikun hemm waqtiet fejn ir-rieda tagħna tkun dgħajfa u nħallu lilna nfusna ninġarru mill-kurrent li jkun għaddej kemm fid-dagħbien interjuri tagħna (bħal meta jmexxuna l-passjonijiet!) u kemm madwarna.

Dan kollu jurina li l-Appostlu li nissilna għall-fidi jaf x’inhu t-toqol tal-mard tagħna. Għalhekk meta l-Maltin ħadulu lill-morda tagħhom quddiemu, Pawlu ma nħasadx bihom – ma warrabhomx, imma ħaddanhom bi mħabba paterna u fejjaqhom. X’mediċina uża Pawlu biex fejjaqhom mill-mard? Fl-Atti tal-Appostli naqraw li Pawlu talab u firex idejh fuqhom. Ħafna faċli jifhmu xi jfisser li Pawlu talab; imma minkejja li anki llum il-Knisja għadha tagħmel dan il-ġest tat-tqegħid, nibża’ li forsi ma napprezzawx biżżejjed il-fatt li Pawlu firex idejh. Hekk nagħmlu meta niċċelebraw is-sagramenti tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni, tad-Dilka tal-Morda, tal-Qrar u tal-Ewkaristija. Għandi suspett qawwi li mhux biss il-lajċi ma jifhmux il-qawwa ta’ din l-azzjoni, imma lanqas aħna l-presbiteri, għax kieku żgur nagħmluh b’aktar galbu! Aħna nifirxu jdejna biex insejħu lill-Ispirtu s-Santu biex jimliena bil-qawwa tiegħu. Meta Pawlu firex idejh fuq il-morda, hu fejjaqhom bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Ħasra li llum ma nsejħux lill-Ispirtu b’aktar devozzjoni biex jimliena bil-grazzja li tfejjaq kull għamla ta’ mard.

L-ispirtu li Pawlu jsejjaħ meta jifrex idejh huwa l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu. Pawlu jsejjaħ fuqna l-ispirtu ta’ Kristu biex ifejjaqna. Pawlu jsejjaħ lill-Ispirtu s-Santu bħala “l-ispirtu li jagħti l-ħajja” u “l-ispirtu tal-imħabba”. Fil-fatt, meta jitkellem dwar id-doni tal-Ispirtu s-Santu, l-ewwel fil-lista Pawlu jsemmi l-imħabba (caritas). Għax l-aqwa mediċina li għandu bżonn urġenti l-bniedem biex infejqu l-ġerħat li għandna (ġerħat personali, fil-familji, fis-soċjetà kif ukoll fil-Knisja) hija l-karità, li hija t-Tielet Persuna fi ħdan it-Trinità Qaddisa: l-Ispirtu s-Santu.

Ma għandu jkun hemm ħadd li jgħaddilu minn moħħu li ma jistax ifiq. Jekk nemmnu fl-Ispirtu s-Santu, ma hemm l-ebda marda li hija terminali – ma teżisti ebda marda li twassal għall-mewt. Kif jgħallem il-Papa Benedittu XVI, “l-Ispirtu s-Santu huwa qawwa interjuri li tgħin lill-qalb tad-dixxiplu ssir tixbah lill-qalb ta’ Kristu u hekk tagħtih il-ħila li jħobb lill-aħwa kif kien iħobbhom Ġesù” (Warszawa, 26.05.2006). Dan narawh iseħħ fl-Appostlu Pawlu: wara li ġarrab il-fejqan bil-qawwa tal-Ispirtu, il-qalb tiegħu saret tixbah lill-qalb ta’ Kristu tant li Pawlu seta’ jgħid: “Mhux jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija”.

Nixtieq li ma jkun hawn ħadd fil-komunità tagħna, magħfus kemm huwa magħfus bil-mard, li jaqta’ qalbu. Ħa nsejħu fuqna l-patroċinju tal-Appostlu Missierna Pawlu biex ikompli jifrex dirgħajh fuqna lkoll, isejjaħ lill-Ispirtu s-Santu fuqna biex jimliena bil-qawwa fid-dgħufija tagħna, tkun xi tkun l-għamla tagħha.

X’għamel Pawlu meta wasal fuq xtutna? Fl-immaġinazzjoni tagħna ngħidu ħafna affarijiet: ngħidu li Pawlu pprietka, iċċelebra l-Ewkaristija, ordna lil Publiju bħala l-ewwel Isqof, u l-bqija. Imma dan kollu huwa x’naħsbu aħna li sar u huwa ħafna probabbli li għamel dan kollu għax hekk għamel fi Knejjes oħra; imma m’hemm xejn minn dan fl-Atti tal-Appostli. Ħaġa waħda nafu b’ċertezza li Pawlu għamel biex waqqaf il-Knisja ta’ Kristu f’pajjiżna: Pawlu fejjaq in-nies! Għalhekk, jekk illum irridu nkomplu nżommu wieqfa din il-Knisja, il-predikazzjoni u l-liturġija huma meħtieġa, imma l-karità taħt għamla ta’ fejqan tiġi qabel kollox. Fuq l-eżempju ta’ Pawlu rridu nkunu lesti li nilqgħu lill-morda – irridu nkunu dawk li nifirxu dirgħajna fuq il-marid. Ma għandniex għalfejn nistħu jekk il-Knisja tilqa’ fi ħdanha lill-“morda”. Xi drabi aħna nkunu ttentati li neskludu lil min hu marid. B’xorti ħażina, anki l-Knisja “istituzzjoni” xi drabi tieħu dan l-atteġġjament! Għandna Nsara li jaħsbu li huma perfetti u puri, u għalhekk lil min hu mtektek b’xi virus ma rriduhx la fil-ġemgħa u lanqas fuq l-altar.

San Pawl qed jgħidilna li hu waqqaf il-Knisja b’azzjoni waħda imma li għandha tifsira profonda: biex ninqeda b’espressjoni tal-Papa Franġisku, Pawlu jista’ jgħid li fostna waqqaf “sptar fuq il-kamp tal-battalja” li fih isibu l-fejqan u l-faraġ dawk kollha li huma feruti. Din hija l-Knisja. Peress li l-evanġelizzazzjoni hija urġenti f’pajjiżna, jekk irridu ngħinu lill-bniedem jiltaqa’ mal-Vanġelu, qabel jeħtieġ nagħmlu azzjoni ta’ karità, djakonija u fejqan. F’din il-Knisja-sptar kulħadd għandu jkun milqugħ, aċċettat u akkumpanjat. Knisja Pawlina hija Knisja li toffri t-tama lil kull min hu marid, speċjalment lil min hu marid gravi; Knisja li tagħraf lil Pawlu bħala missierha trid tkun Knisja li tilqa’ lil dawk li qatgħu qalbhom jew ħaddieħor qata’ qalbu minnhom!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading