Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Torello


Fis-16 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Beatu Torello, Eremit li għex bejn is-snin 1202 sa 1282.

Torello twieled qrib l-1202 f’Poppi, raħal fuq ix-xmara Arno, fit-Toskana, l-Italja. Imrobbi sewwa minn missieru Paolo, hu għadda tfulitu ta’ Nisrani tajjeb f’raħal twelidu. Imma, ftit wara l-mewt ta’ missieru, ħajtu nbidlet għal kollox. Għamilha ma’ kumpanija ħażina, u Torello għoġbitu l-kumpanija tagħhom, u beda jgħix ħajja mtajra bħalhom.

Ġara li darba, waqt li kien barra jilgħab, serduk ittajjar għal ħdejh, qagħad fuq driegħ Torello, u idden b’leħen qawwi għal tliet darbiet. Torello tbikkem, ma kompliex il-logħba u telaq minn fejn kien. Waħħal f’rasu li dak li għamel is-serduk ma ġarax b’kumbinazzjoni, u ħadu bħala twissija kif darba l-Appostlu Pietru kien imwissi fuq l-iżbalji tiegħu mit-tiddin ta’ serduk. Fehem li l-mod ta’ ħajja li fiha kien qed jgħix kien qed ibiegħdu minn Alla.

Malajr Torello mar fl-abbazija San Fidele tal-Benedittini Vallambrosani, tkellem mal-abbati li għenu biex jagħmel qrara tajba. Imbagħad mar isib post kwiet qalb is-siġar u għadda diversi ġranet jitlob. Fl-aħħar qatagħha li jsir eremita.

Lura f’Poppi, hu biegħ il-proprjetà tiegħu, u minn dak li daħħal, żamm biss ftit flus biex seta’ jixtri ftit art f’Avellaneto. Hemm hu bena daqsxejn ta’ kamra fejn seta’ jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu. Hu kien ikabbar il-ħxejjex li kellu bżonn għall-għajxien u jieħu l-ilma minn nixxiegħa. Kien jitlob u jaħqar lil ġismu, u jorqod mhux aktar minn tliet sigħat billejl.

Torello fehem li Alla ried minnu li jgħix ħajja ta’ eremit. Matul ħajtu biss ftit nies kienu jafu bih. Il-kult lejh kien konfermat mill-Papa Benedittu XIV. Huwa l-patrun tal-belt ta’ Forlì. Kemm il-Franġiskani, kif ukoll il-Vallambrosani, jgħodduh bħala wieħed minnhom, imma jidher li hu kien oblata Benedittin Vallambrosan.

Il-Beatu miet fis-16 ta’ Marzu tal-1282, meta kellu 80 sena.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.