Agios O Theos

Print Friendly, PDF & Email

Dawn huma l-ewwel kelmiet bil-Grieg ta’ invokazzjoni, jew dossoloġija, jew innu – għax kull wieħed minn dawn it-titli joqogħdulu – li jitkanta fil-Liturġija Rumana fl-hekk imsejħa “Improperia” jew “Ċanfir” waqt iċ-ċerimonja tal-Adorazzjoni tas-Salib nhar il-Ġimgħa l-Kbira.

Hu innu qasir li jitkanta alternat minn Żewġ korijiet bil-Grieg u bil-Latin, kif ġej: L-ewwel kor: Agios o Theos (Qaddis Alla); it-tieni Kor: Sanctus Deus. L-ewwel Kor: Agios ischyros (Qaddis Qawwi); it-tieni Kor: Sanctus fortis. L-ewwel Kor: Agios athanatos, eleison imas (Qaddis Immortali, ħenn għalina); it-tieni Kor: Sanctus immortalis, miserere nobis. B’kollox l-innu jitkanta b’mod alternat tnax-il darba matul l-“Improperia”.

Ftit ta l-Istorja

Fir-rubriki tal-Liturġija Griega, li fiha dan l-innu jingħad ta’ spiss, huwa magħruf bħala t-Trisagion (trís = tliet darbiet, `ágios = qaddis). L-innu bla dubju huwa wieħed qadim ħafna. Il-leġġenda tirrakkonta li meta kien isaltan Teodosju ż-Żgħir (408-450), Kostantinopli kienet mheżhża minn terrimot qawwi, nhar l-24 ta’ Settembru, u waqt li l-poplu, l-Imperatur, u l-Patrijarka Proclus (434-446) kienu qegħdin jitolbu l-għajnuna tas-sema, f’daqqa waħda tifel ċkejken deher jogħla ’l fuq, u l-ġemgħa kollha bdiet titlob Kyrie eleison (“Mulej, ħniena”). Meta t-tifel irritorna fuq l-art, wissa lill-poplu b’leħen għoli biex jitolbu hekk: “O Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina”, u ftit jiem wara, it-tifel miet. Dan ma jfissirx li bilfors dan l-innu beda minn din il-ġrajja.

Innu mxerred ħafna

Il-fatt li dan l-innu kien wieħed mill-eskalamazzjonijiet tal-Padri fil-Konċilju ta’ Kalċedonja (451), u l-fatt li huwa komuni mhux biss fil-liturġiji kollha Griegi imma wkoll dik Gallikana (għax isemmih San Ġerman Isqof ta’ Pariġi [†576] u jgħid li kien jitkanta bil-Grieg u bil-Latin), jagħti x’wieħed jifhem li dan l-innu hu wieħed qadim ħafna u li seta’ kellu l-bidu tiegħu sa mill-ewwel snin tal-Knisja. Il-Papa Benedittu XIV kien tal-fehma li l-forma bil-Latin ingħaqdet ma’ dik bil-Grieg b’allużjoni għall-vuċi divina li nstemgħet f’Kostantinopli.

Agios o Theos (1)Tradizzjonalment, l-innu kien dejjem indirizzat lit-Trinità Qaddisa (ara Isaia 4,3 fejn Alla hu msejjaħ għal tliet darbiet Qaddis). Imma kien hemm xi żmien meta, fil-Lvant, b’xi żjidiet ta’ kliem bħal “li kont imsallab għalina”, l-innu sar indirizzat lill-Kelma Inkarnata. Imma, billi dan it-tibdil beda minn ċertu Pietru, patrijarka monofiżita ta’ Antjokja [471-488], bi skop li jsaħħaħ it-tagħlim żbaljat tiegħu favur l-ereżija li kienet iżżomm li n-Natura Divina sofriet fuq is-Salib, allura l-Knisja dehrilha li l-innu għandu jibqa’ bla żjidiet kif kien oriġinarjament.

Fost il-mużika klassika polifonika tal-innu Trisagion, kif ukoll tal-Improperia tispikka b’mod speċjali dik li kiteb għaċ-ċerimonja tal-Adorazzjoni tas-Salib il-mużiċist famuż Giovanni Pierluigi da Palestrina [c1514-1594], miżmum bħala l-ikbar kompożitur tal-mużika liturġika ta’ kull żmien.

L-Agios o Theos u San Ġorġ Preca

San Ġorġ Preca, li għamel żien twil jgħin il-Papas tal-Griegi fil-knisja tad-Damaxxena, il-Belt, kellu ħafna għal qalbu dan it-Trisagion. Huwa ħalla wkoll bil-kitba r-rakkont tal-ġrajja kif kienu jaħsbu li beda dan it-Trisagion u li semmejna aktar ‘il quddiem. (Ara Il-Ktieb tal-Istejjer, Vol. I, Storja Nru. 11)

San Ġorġ Preca ried li dan l-innu qasir jitkanta darbtejn wara xulxin – darba bil-Grieg u darba bil-Latin – waqt il-Qima lill-Wiċċ ta’ Kristu li ssir fl-Oqsma tal-MUSEUM u kull nhar ta’ Ħamis u b’mod speċjali fil-Velja li ssir nhar Ħamis ix-Xirka, fejn allura jitkanta diversi drabi. F’din il-qima ssir talba tassew sabiħa: “Alla, o Missier warrab il-ħarsa tiegħek mill-ħażen ta’ din id-dinja, u itfagħha fuq il-Wiċċ Venerabbli ta’ Kristu, is-Salvatur tagħha, u tgħaxxaq bih; u fl-istess ħin la tinsiex li Inti ma kontx tara dan il-Wiċċ li kieku ma kienx id-dnub tad-dinja. Iva, ħares lejh u, għall-merti infiniti tiegħu, itfa’, sawwab u roxx mis-Santwarju Etern tiegħek fuq id-dinja kollha n-nida tal-grazzja li huwa, fuq is-Salib, immeritalna bis-sfura tal-mewt fuq il-ħaddejn tiegħu.” San Ġorġ Preca daħħal l-innu Agios o Theos ukoll bil-Latin fl-Arloġġ tat-Talb li l-membri tal-MUSEUM jgħidu kull filgħodu fil-bidu tal-Litanija tal-Qaddisin, kif ukoll f’talba li tingħad fil-viżta lil Ġesù Ewkaristija, il-Coram Domino.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/789376252″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=true&show_comments=false&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=false&visual=true” width=”100%” height=”150″ iframe=”true” /]

Jirrakkontaw li lejliet il-festa ta’ San Mikiel, bejn it-28 u d-29 ta’ Settembru tal-1932, għall-ħabta ta’ nofs il-lejl San Ġorġ Preca kien għadu jqarar is-soċji waqt il-programm ta’ San Mikiel, fil-knisja tal-Ħniena, il-Qrendi). Daħal għal għarrieda mill-passaġġ tan-nofs u baqa’ tiela’ tul il-knisja kollha, jirrepeti: Sanctus Deus, … Dan għamlu għax f’dak il-ħin kienet inħasset theżżhiża ta’ terrimot.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/789374290″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=true&show_comments=false&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=false&visual=true” width=”100%” height=”150″ iframe=”true” /]

Agios o Theos – Agios ischyros – Agios athanatos – eleison imas

Sanctus Deus – Sanctus fortis – Sanctus immortalis – miserere nobis

Qaddis Alla – Qaddis Qawwi – Qaddis Immortali – ħenn għalina

Kitba ta’ Joe Galea

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading