Kif inbidlet l-istorja!

Print Friendly, PDF & Email

Nammettu jew le l-biċċa xogħol tal-coronavirus tassew li bidlitilna ħajjitna! Esperjenza li ġarrabt dan l-aħħar żgur li ma ninsieha qatt u li saħħittni sewwa f’dan li qed naqsam magħkom minn qiegħ qalbi illum.

Rajt żewġ persuni jitħaddtu waqt li kont għaddej minn kuritur l-għaliex ġejt imsejjaħ f’sala biex nassisti pazjent li kien wasal fl-aħħar. U, jien u għaddej, ma stajtx ma nibqax impressjonat b’żewġ nisa li kienu qed jitħaddtu. Waħda kienet ‘il bogħod mill-oħra miżerjament ħames metri. Tifimha! Id-distanza soċjali biex inħarsu saħħittna! Imma x’kontradizzjoni hux! Possibbli l-laqgħa ta’ żewġ persuni, li tfisser li jkunu flimkien, tfisser ukoll li jkunu daqshekk ‘il bogħod minn xulxin? Mhux talli tidher kontradizzjoni imma wkoll krudeltà! Imma hi fil-fatt hekk?

Żgur li le! L-għaliex, fiċ-ċirkustanzi li qiegħdin, li tħobb tfisser li toqgħod ‘il bogħod. Li tħobb tfisser li toqgħod ukoll f’iżolament. Li tħobb tfisser li tibqa’ lura. Qatt ħbieb, daqs dan iż-żmien, ma jien qed napprezza dak li hemm miktub fil-Kelma ta’ Alla, sewwasew fil-Ktieb ta’ Koħelet, li jgħid, iswed fuq l-abjad:

Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: Żmien li titwieled, u żmien
li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel; żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni; żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq; żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi; żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem; żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi (Koħ 3:1-8).

Kellna żmien fejn twelidna, ħawwilna, fejjaqna, bnejna, dħakna, żfinna, ġbarna l-ġebel, għannaqna, ksibna, erfagħjna, sewwejna, tħaddittna, ħabbejna u għexna fil-paċi. Iżda ġew iż-żminijiet fejn il-mewt inħossuha aktar qrib, fejn il-ħasda ddur magħna, fejn il-qtil mill-virus ikexkixna, fejn it-tiġrif li qed iġib fil-familji u l-komunitajiet tagħna jinħass aktar, fejn qalbna tant hi minfuda li sirna nibku mix-xejn, fejn l-għali mill-ewwel jaħkem ‘il moħħna u ‘l qalbna, fejn ġieli ngaraw il-ġebel lil xulxin bil-kliem li ngħidu wieħed lil ieħor, fejn qed niċċaħdu u nċaħdu mit-tgħanniq, fejn qed nitilfu opportunitajiet li abbli qabel tajniehom bis-sieq, fejn ġieli nħossuna narmu tamitna ‘il baħar, fejn ġieli nqattgħu l-ħin bla ma nafu x’ħa naqbdu nagħmlu, fejn issa qed ikollna mumenti li naqgħu fil-muta tas-sogħba u l-biża,’ fejn qed nibdew nobogħdu noqgħodu ġewwa ‘il ħin kollu, fejn ġieli qed nispiċċaw f’konflitti bla għadd ma’ xulxin.

Imma ħbieb, il-ħajja nqallbet! U l-istorja wkoll! Biss, ejjew ma naqtgħux qalbna l-għaliex kull bidu ġdid avventura! Il-kittieb żgħażugħ minn Manila, Juansen Dizon, fil-ktieb tiegħu Confessions of a Wallflower, jikteb hekk: “Nittama li tirrejalizza li kull jum hu bidu ġdid għalik. Li kull darba li titla’ ix-xemx hu kapitlu ġdid f’ħajtek u li qed jistenna li jiġi miktub.” X’riflessjoni profonda din ħbieb minn persuna li, għalkemm tbati minn bipolar disorder, xorta waħda, bil-grazzja tal-Mulej, kapaċi tibqa’ tara s-sabiħ tal-ħajja! U kapaċi tiċċelebra ukoll kull jum li tgħix, permezz tal-ħolm li toħlom, tal-poeżija li tikteb u tas-skiet li hi mdawra bih!

Mulej, f’din l-istorja li dejjem qed tinbidel, min jum għal jum, ħalli nressaqlek l-istess sentimenti li ressaqlek is-salmista tas-Salm 29: Mulej, agħti l-qawwa lill-poplu tiegħek! Bierek Mulej bis-sliem lill-poplu tiegħek! F’dawn iż-żminijiet li dejjem qed jinbidlu! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading