Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Bernardina Soubirous


Fis-16 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Santa Bernardina Soubirous, Verġni li għexet bejn is-snin 1844 sa 1879.

Din il-qaddisa tibqa’ l-aktar magħrufa minħabba d-dehriet li kellha tal-Madonna f’Lourdes.

Maria Bernarda twieldet f’Lourdes u kienet il-kbira minn sitt aħwa, ulied Francois Soubirous u martu Louise Castérot. Bernadette, kif kienu jsejħulha d-dar, kienet tifla marradija u tbati bl-ażma, u meta kellha 10 snin anki ħadet il-marda tal-kolera. Missierha li kellu magna tad-dqiq ma kienx jinqala’ għan-negozju u l-familja sabet ruħha f’faqar kbir u kellha tmur toqgħod f’dar se taqa’ u ma taqax.

It-tifla rċeviet ftit skola, u kienet miżmuma bħala moħħha ma jagħtihiex. Fl-1858, fis-sena li fiha għamlet l-Ewwel Tqarbina, seħħew ġrajjiet straordinarji li biddlu għal kollox ħajjitha u li għamluha tant magħrufa.

Id-dehriet tal-Madonna b’kollox kienu 18-il waħda. F’dik tal-25 ta’ Marzu, meta Bernadette reġgħet staqsiet lis-sinjura tad-dehriet x’kien jisimha, il-Madonna weġbitha: “Jiena l-Kunċizzjoni Immakulata.” Il-Papa B. Piju IX kien ipproklama d-domma tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija fit-8 ta’ Diċembru ta’ tliet snin qabel.

L-ilma li ħareġ mill-post fejn Bernadette ħaffret fuq it-talba tal-Madonna sar għajn ta’ fejqan għal bosta, imma dak l-istess ilma lilha ma fejjaqhiex mill-mard tagħha. Kienet qaltilha l-Madonna: “Inwiegħdek li nagħmlek hienja, mhux f’din id-dinja iżda fl-oħra.”

Bernadette kellha tgħaddi minn żminijiet diffiċli: sabet oppożizzjoni u ma kinitx emmnuta kemm mill-awtoritajiet tal-Knisja kif ukoll dawk ċivili. Ma tawx kasha għax qalu li kienet tifla sempliċi, bla skola u tbati mill-alluċinazzjonijiet. Imma s-sinċerità ovvja tagħha u s-sens komun tagħha wasslu biex ħafna bdew jemmnu fid-dehriet. Hi kienet tobgħod il-pubbliċità li għaliha kienet esposta minħabba d-dehriet u kienet tirrifjuta li taċċetta flus jew rigali oħra mill-ħafna nies li kienu jmorru biex jarawha.

Fl-1864, talbet biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ Notre Dame f’Nevers, imma minħabba saħħitha ma ġietx milqugħa qabel l-1866, meta kienet aċċettata bħala novizza u ħadet l-isem ta’ Maria-Bernarda.

Hi għexet il-bqija ta’ ħajjitha bħala soru ordinarja u ma ħarġitx mill-kunvent, lanqas fl-1876 fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru biex ifakkru l-ftuħ ta’ bażilika ġdida f’Lourdes. Jidher li din kienet għażla tagħha; xtaqet kieku tkun preżenti imma riedet tevita l-attenzjoni fuqha. “O, kieku kont nista’ mmur bla ma ħadd jarani,” qalet.

Kellha xewqa kbira li titqaddes: “Jeħtieġli nkun qaddisa,” kitbet, “Ġesù dan li jrid minni u jiena obbligata li nkun hekk mill-vokazzjoni tiegħi.” Kellha sens kbir ta’ umiltà. Dwar dak li ġara minnha qabel ma daħlet reliġjuża, Bernadette xebbhet lilha nfisha ma’ xkupa: “Il-Madonna nqdiet bija. Imbagħad qegħduni lura fir-rokna tiegħi. Jiena hienja li nieqaf hemm.”

Il-mard qatt ma ħallieha għal kollox. L-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha, il-mard daħal aktar ’il ġewwa. Kienet issofri minn tuberkolożi fl-għadam bi tbatijiet kbar. Mietet ta’ 35 sena, nhar is-16 ta’ April tas-sena 1879. Bernadette Soubirous kienet iddikjarata qaddisa fis-Sena Mqaddsa tal-Fidwa fl-1933, mill-Papa Piju XI. Il-Festa tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Frar.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.