Quddiesa u Rużarju mill‑Kurja tal-Arċisqof – 17 t’April 2020

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 17 ta’ April 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil‑Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

BIEX KRISTU JKUN TASSEW IL-ĠEBLA TAX-XEWKA

“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”. Hekk għedna fis-Salm illum, u hekk smajna lil Pietru fl-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli, jgħid lill-kapijiet, lix-xjuħ, lill-kittieba, meta huma staqsewh b’liema qawwa u f’isem min qed jagħmel dak li qed jagħmel, hu u l-appostli. Hu qalilhom: Fl-isem ta’ Ġesù ta’ Nażaret, li intom qtiltuh imma Alla qajmu mill-imwiet. Qalilhom: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka”.

X’ifisser li tkun il-ġebla tax-xewka? Tfisser l-iktar ġebla importanti fil-bini, li qiegħda proprju fil-bażi tal-istruttura kollha tal-bini. Minn din il-ġebla jiddependi wkoll kemm il-bini jitla’ tajjeb. Hija fil-fundament. M’hijiex ġebla għat-tiżjin imma l-iskop tagħha hu ħafna aktar kruċjali minn hekk.

Dak li allura ried jgħid Pietru hu li Ġesù Rxoxt huwa l-ġebla tax-xewka li fuqu għandha sserraħ ħajjitna, għax hu s-Salvatur, hu li jagħtina s-salvazzjoni. Din kienet l-esperjenza tiegħu wkoll, kif rajna fl-Evanġelju, li Ġesù Rxoxt huwa dak li jsalva, dak li jagħti bl-abbundnaza, dak li miegħu tassew għandek il-ġid. Dan li ried jgħid Pietru: il-ġebla tax-xewka hu Kristu, fuqu għandna nserrħu ħajjitna, huwa hu li għandu jkun il-kriterju ta’ dak li hu tajjeb jew ħażin, ta’ dak li għandna nagħmlu jew ma għandniex nagħmlu.

Pawlu, bħal Pietru, wkoll jispjega din b’mod sabiħ fl-Ittra tiegħu lill-Efesin meta jgħidilhom: Aħna ġebel ħaj marbutin ma’ din il-ġebla tax-xewka. Meta marbutin ma’ Kristu bħala l-ġebla tax-xewka, nistgħu ninbnew bħala tempju fejn jgħammar Alla. Qed jgħid għall-Knisja komunità, qed jgħid għalina, kull wieħed u waħda minna personali. Jgħid Pawlu: ma nkunux immexxijin minn dak li nħossu, mill-emozzjonijiet u l-passjonijiet tagħna, imma meta Kristu hu l-ġebla tax-xewka, imexxina tassew Kristu fil-ħajja tagħna.

X’ifisser dan? Ħa nsemmi eżempju li naħseb hu importanti għal ħajjitna llum. B’liema mod Ġesù jkun il-ġebla tax-xewka f’ħajjitna? Jekk ikun tassew il-ġebla tax-xewka f’ħajjitna, ifisser li nara lill-oħrajn bil-lenti tiegħu, u allura għalija kull persuna hi għażiża għax kull persuna hi x-xbieha ta’ Alla. Kemm jekk hija Maltija, kemm jekk Amerikana, kemm jekk Taljana, kemm jekk Afrikana u l-bqija. Kemm jekk il-kulur tal-ġilda hu abjad, kemm jekk kannella, kemm jekk iswed: kull persuna hija xbieha ta’ Alla. Ma teżistix persuna li tgħid dak bniedem, u dak nofs bniedem, jew m’hu bniedem xejn, minn dawk li ħalaq Alla. Kull persuna hi xbieha ta’ Alla.

Jekk ikolli lil Kristu tassew bħala l-ġebla tax-xewka, ma nitkellimx fuq in-nies, jew nikteb fuq in-nies xbieha ta’ Alla qishom dawn m’humiex bnedmin, jew qishom biċċa injama f’baħar, jew, agħar minn hekk, qishom skart. Meta nagħmel hekk ma’ dik il-persuna jew ma’ dawk in-nies, inkun qed inwarrab lil Kristu, inwarrbu fil-ġenb u narmi lilu wkoll. Narmi din il-ġebla tax-xewka biex inqiegħed lili nnifsi u l-egoiżmu tiegħi bħala l-ġebla tax-xewka f’ħajti.

Ejjew nitolbu lil Alla l-grazzja li Kristu jkun tassew il-ġebla tax-xewka f’ħajjitna. Jgħinna speċjalment biex inħarsu lejn l-oħrajn bil-lenti tiegħu: kull persuna umana hi għażiża u jistħoqqilha rispett lejn il-ħajja u d-dinjità tagħha. Nitolbu lill-Mulej biex f’ħajjitna jkun dejjem hu l-ġebla tax-xewka u ma nqegħdux lilna nfusna jew l-egoiżmu tagħna bħala l-ġebla tax-xewka f’ħajjitna.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d bloggers like this: