Dan huwa ktieb minn Mons Anton Saliba, li jiġbor fih il-mixja ta’ Marija minn qabel it-twelid sat-tlugħ tagħha fis-sema.
Il-Vjaġġi ta’ Marija Santissima
Deskrizzjoni tal-ktieb:- Il-ktieb Il-Vjaġġi ta’ Marija Ssma, jibda’ b’silta mill-Ġenesi, mill-Apokalissi, mill-Evanġelju ta’ San Luqa (pġ. 1-3) u introduzzjoni (pġ. 4-10). Il-vjaġġi huma mqassma f’31 mixja, li fihom jiġbru l-ħajja sħiħa tal-Madonna. Kull vjaġġ jagħlaq b’konsiderazzjonijiet u b’riflessjonijiet b’rabta mal-fidwa tal-bniedem.
L-Ewwel Vjaġġ – Marija: jiżżewġu l-ġenituri tagħha – (pġ. 11-16).

Il-vjaġġ jibda mill-formazzjoni tal-karattru ta’ Ġwakkin u Anna, il-pedament ta’ Marija S.S.ma., Omm Ir-Redentur tal-bnedmin u jagħlaq kif dawn saru jafu bit-tnissil ta’ binthom. Tul il-mixja hu spjegat minn f’hiex għaddew Ġwakkin u Anna, a) qabel u meta ltaqgħu, b) meta żżewġu u l-ħajja miżżewġa tagħhom sa kif saru jafu bit-tnissil ta’ binthom fi xjuħithom.
It-Tieni Vjaġġ – Marija Titwieled – (pġ. 17-22):
Il-vjaġġ jibda’ mit-tnissil ta’ Marija sa dak inhar li rat id-dawl tad-dinja għall-ewwel darba. F’din il-mixja hu spjegat kif it-twelid ta’ Marija kien frott ta’ ħafna sagrifiċċji u talb minn Ġwakkin u Anna. Wieħed jaqra wkoll x’wegħdu l-ġenituri lil Alla b’rigrazzjament għax sema’ talbhom. Anke b’effett ta’ din il-wegħda, joħroġ x’kellu jkun il-futur ta’ binthom Marija sa minn ċkunitha.
It-Tielet Vjaġġ – Marija Sal-Preżentazzjoni fit-Tempju – (pġ. 23-28).
Il-vjaġġ jibda’ mit-twelid ta’ Marija u jispiċċa bil-preżentazzjoni tagħha fit-Tempju. Wieħed, f’din il-mixja, jaqra d-determinazzjoni li kellhom Ġwakkin u Anna biex iwettqu dak li wegħdu qabel xi ħadd minnhom imut. Anke hu spjegat kif Marija sal-età ta’ tliet snin ġiet ippreparata u murija kulma kien meħtieġ biex tkun aċċettata għad-dedikazzjoni tat-tempju u għall-ħajja kkonsagrata.
Ir-Raba’ Vjaġġ – Marija ppreżentata fit-Tempju – (pġ. 29-36).
Marija, il-mixja tal-għażla tal-istat bdietha bit-tluq mid-dar tagħha mat-tfajliet bl-imsiebaħ mixgħula u l-ġenituri u spiċċat kif sabet postha fit-Tempju. Fil-vjaġġ spjegat min kien jiffissa t-tul taż-żmien tal-konsagrazzjoni u fejn jgħix min ikun ikkonsagrat għas-servizz ta’ Alla. Wieħed jaqra wkoll min eżamina lil Marija, x’libset għall-funzjoni tat-tberik u min kien li aċċettaha fit-tempju.
Il-Ħames Vjaġġ – Marija qabel u fl-għerusija – (pġ. 37-44):-
Dan il-vjaġġ, Marija bdietu bit-dħul tagħha fit-tempju u spiċċatu fl-età ta’ xi erbatax-il sena meta l-Qassis il-kbir qalilha tħalli t-Tempju u tiżżewweġ. Hu spjegat kif din kienet mixja ta’ servizz u ħidma manwali fit-Tempju. Tingħata r-raġuni li wasslet lil Marija tħalli t-Tempju u x’kienet r-reazzjoni tagħha. Kif ukoll għaliex l-għażla tal-għarus saret fil-preżenzza t’Anna.
Is-Sitt Vjaġġ – Lil Marija jħabbrilha l-Arkanġlu – (pġ. 45-52).
Marija bdiet il-vjaġġ l-għada tal-għerusija u kliem l-Arkanġlu Gabriel wasslu fi tmiemu. F’din il-mixja, wieħed jaqra għaliex Marija, wara l-għerusija, marret toqgħod f’dar ġejja mil-familja ta’ Anna b’Ġużeppi nieqes. Anke r-raġuni għax Ġużeppi flok ħa l-għarusa id-dar telaq lejn Libonah. Spjegat ukoll kif dan il-fatt għin biex il-Messija jitwieled minn Marija Verġni u fl-istess waqt ġo familja.
Is-Seba’ Vjaġġ – Marija żżur lil Eliżabetta – (pġ. 53-60).
It-tħabbira tal-Arkanġlu spirat dan il-vjaġġ lil Marija u ftit qabel it-twelid tal-Battista ttemmu. Wieħed jista’ jara kif iż-żjara tat id-dawl fuq erba’ personaġġi fl-istorja tas-salvazzjoni. Insiru nafu wkoll kif il-preżenza ta’ Marija u tal-Iben t’Alla f’ġufha kienu għajn ta’ grazzja għal Ġwanni bħala prekursur tas-Salvatur u lil Eliżabetta biex għarfet lil Marija Omm il-Mulej. Għalex dan il-vjaġġ intemm hesrem?
It-Tmien Vjaġġ – Marija fil-Ħsieb Konfuż ta’ Ġużeppi – (pġ. 61-66)
Dan il-vjaġġ jibda ftit wara r-ritorn ta’ Ġużeppi minn Libonah. Il-qawmien mill-ħolma tiegħu wasslitu fit-tmiem. Naqraw għax l-isvolġiment tal-mixja tmur ’l lil hinn mill-ħsieb li daħal f’moħħ Ġużeppi. Nikxfu kif is-sehem ta’ Ġużeppi kien insostitwibbli biex Ġesù seta’ jitwieled ġo familja u fl-stess ħin Marija tista’ tissejjaħ Verġni qabel, waqt u wara t-twelid ta’ Binha.
Id-Disa’ Vjaġġ – Marija għall-Kitba taċ-Ċensiment – (pġ. 67-72).
L-editt ta’ Ċesari għal ġbir tat-taxxa kkawża dan il-vjaġġ, imħabbar minn Mikea, u d-dħul ta’ Marija fl-għar jagħalqu. Tul il-mixja naraw kif mill-arblu tar-razza legali ta’ Ġużeppi, skont San Mattew, u mill-arblu tar-razza mid-demm ta’ Marija skont San Luqa, it-tnejn kienu mnissla minn David. Naqraw liema rotta ġadu biex irreġistraw ruħhom f’Betlehem b’Marija mwasla biex twelled.
L-Għaxar Vjaġġ – Marija Twelled lil Ġesù – (pġ. 73-80).
Dan l-vjaġġ jibda u jagħlaq f’għar, imma l-effett tiegħu jibqa’ għal dejjem. Fih naqraw kif kulma tħabbar mill-Profeti fuq il-Messija seħħ fl-għar fejn daħlu Marija u Ġużeppi. Anke niskopru x’għamel Ġużeppi, xħin ra lil martu skomda fl-għar biex ikun ta’ għajnuna għal Marija. Din il-mixja, minnbarra l-miġja tar-Redentur, turi l-qofol tal-Maternità, umana u divina, ta’ Marija.
Il-Ħdax-il Vjaġġ – Marija tippreżenta lil Ġesù fit-tempju – (pġ. 81-88).
Marija bdiet u temmet dan il-vjaġġ ordnat mit-Testment il-Qadim flimkien ma’ Binha u żewġha Ġużeppi. Wieħed se jiskopri għaliex il-preżentazzjoni saret fit-Tempju u mhux, kif normalment kien isir, fis-sinagoga tal-post. Wieħed fil-mixja jaqra r-raġuni għax imsejħa: Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù u Il-Purifikazzjoni t’Ommu, kif ukoll magħrufa bl-ismijiet: Il-Laqgħa tal-Mulej u Il-Kandlora.
It-Tnax-il Vjaġġ – Marija taħrab b’Ġesù lejn l-Eġittu – (pġ. 89-96).
Il-wassla tal-għorrief fit-tfittxija għal Sultan bdiet il-mixja, u t-tluq tagħhom itemmha. Muri kif il-qima tal-Maġi lit-tfajjel imliet bil-ferħ lill-familja ta’ Nazzaret. Jiħi pjegat kif bir-rigali għarfu lit-tifel bħala Alla, Sultan u Bniedem. Naqraw kif l-ambizzjoni u l-krudeltà ta’ Erodi bidlu l-ferħ f’anzjetà, u x’ħasset Marija fl-ewwel persekuzzjoni ta’ Binha.
It-Tlettax-il Vjaġġ – Marija mill-Eġittu għal Nażaret b’Ġesù – (pġ. 97-102).
Il-vjaġġ jibda’ sentejn wara l-wasla tal-familja Mqaddsa fl-Eġittu u jitemm bit-tluq lejn Nażaret. Wieħed f’din il-mixja jaqra kif Marija ppreparat lil Binha għall-bidla tal-post u tan-nies fejn marru jgħixu. Naqraw ukoll kif iż-żmien fl-Eġittu għin fl-iżvilupp ta’ Kristu bħala bniedem. Tissemma l-età ta’ Ġesù meta telqu mill-Eġittu u x’kien is-sehem ta’ Ġużeppi fl-Eġittu u fi triqthom lura.
L-Erbatax-il Vjaġġ – Marija, Ġesù u Ġużeppi f’Nażaret – (pġ. 103-108).
Marija mad-daħla tagħha f’darha f’Nażaret tat bidu għal vjaġġli jintemm bit-telfa ta’ Binha. Insiru nafu għax Marija u Ġużeppi jieħdu r-ruħ lura f’darhom u x’sar biex jissetiljaw hemm. Din il-mixja turi kif trabba Ġesù u kif kien edukat sa meta kellu tnax-il sena. Naraw ukoll il-ġenituri fl-liema skola ħadu lil Ġesù għat-tagħlim u din fuq liema sistema ta’ tagħlim kienet titmexxa.
Il-Ħmistax-il Vjaġġ – Marija tfittex lil Ġesù ta’ tnax-il sena – (pġ. 109-114).
Il-vjaġġ jibda b’Marija u Ġużeppi jindunaw bit-telfa ta’ Ġesù fil-Festa tal-Għid tal-Lhud u s-sejba tiegħu fit-Temipju ttemm il-mixja. Naqraw għax dawn damu tlett ijiem ifittxu lit-tifel sa ma sabuh f’diskussjoni mar-Rabbini fit-Tempju. Spjegat kif mid-djalogu tal-omm ma’ Binha, jinkixfu l-għanijiet għaliex Ġesù Kristu sar bniedem b’mandat tal-Missier Etern.
Is-Sittax-il Vjaġġ – Marija sal-mewt ta’ Ġużeppi – (pġ. 115-122).
Il-vjaġġ jibda’ mis-sejba ta’ Binha fit-tempju u jispiċċa mal-agonija ta’ Ġużeppi. Spjegat kif Ġesù kien sottomess u lejali għall-awtorità u t-tmexxija t’ommu Marija u żewġha Ġużeppi. Naraw ukoll kif dawn irreċiprokaw b’lealtà u b’sottomissjoni sħiħa lejn Kristu. Anke spjegat kif Ġesù seta’ jikber fl-għerf, fit-tul u fil-grazzja favur Alla u l-bnedmin permezz tal-Familja ta’ Nażaret.
Is-Sbatax-il Vjaġġ – Marija Tormol – (pġ. 123-130).
Marija, il-vjaġġ ta’ armla, bdietu wara d-difna ta’ żewġha Ġużeppi, u dam sakemm kienet titlob il-liġi tal-vistu Lhudija. Minnkejja, li l-Iskrittura ma ġġib xejn, jiġi spjegat kif Marija ma naqsitx mir-rispett lejn żewġha. Muri s-sehem ta’ Marija u Binha qabel il-mewt, waqt il-mewt u fid-difna ta’ Ġużeppi. Anke naqraw jekk Ġużeppi mietx qabel jew wara, li Ġesù telaq għal-ħidma pastorali.
It-Tmientax-il Vjaġġ – Marija: ħajjitha sa wara t-tluq ta’ Binha – (pġ. 131-138).
Marija dan il-vjaġġ bdietu kif spiċċat il-vistu għal żewġha u t-tluq tagħha għat-tieġ ta’ Kana jgħalqu. Minnkejja, li ħadd ma kiteb jew tkellem fuq l-istat ta’ Marija bħala armla, f’din il-mixja wieħed ħa jaqra f’hiex dan kien jikkonsisti. Jiġi spjegat għax ir-rabta taż-żwieġ ta’ Marija spiċċat mal-mewt ta’ żewġha u kif hija kompliet b’ħajjitha mit-tluq ta’ Ġesù sal-laqgħa tagħha miegħu f’Kana.
Id-Dsatax-il Vjaġġ – Marija fit-Tieġ ta’ Kana – (pġ. 139-146).
Marija bdiet dan il-vjaġġ għat-tieġ ta’ Kana, komplietu għal Kafarnahum u spiċċatu f’Nażaret. Din il-mixja ma saritx biss bis-sehem tagħha fit-tieġ, imma li ’l hinn minnu. Naqraw ukoll kif San Ġwann welled poplu ġdid ta’ Alla mill-koppja Ġesù u Marija u kif il-ġeneru uman, b’dan it-tieni ħolqien tiegħu mill-ġdid, jista’ jitkattar u jikber fis-salvazzjoni u fil-qdusija.
L-Għoxrin Vjaġġ – Marija, l-Ewwel Appostlu ta’ Ġesù – (pġ. 147-154).
Marija, bil-konċepiment ta’ Ġesù, bdiet il-mixja tagħha t’Appostlu u għexitu tul ħajjet Binha, imma l-apostolat tagħha jibqa’ għaddej sa tmiem id-dinja. Mixja, li turi t-tlugħ, l-inżul, il-ferħ u n-niket ta’ Marija. Hu muri kif ix-xogħol li ta Gabrijel lil Marija ssupera ix-xogħol ta’ kull Appostlu ieħor. Naqraw kif Marija għexet ferm eqreb Kristu mill-Appostli magħżula minnu.
Il-Wieħed u Għoxrin Vjaġġ – Marija ssegwi lil Binha – (pġ. 155-162).
Marija dan il-vjaġġ bdietu mal-wasla f’widnejjha tal-kundanna ta’ Binha għat-tislib u l-bidu tal-kruċifissjoni jtemmuh. Marija ma baqgħetx f’darha bi kwietha xħin semgħet kif imxew Qajfa, il-qassisin, il-poplu, Erodi u Pilatu ma’ Binha. Spjegat kif il-laqgħa ta’ Marija ma’ Kristu kienet l-akbar tbatija, għal-qalb ta’ l-Addolorata, kif ukoll jekk din il-laqgħa ma’ Kristu seħħitx jew le.
Tnejn u Għoxrin Vjaġġ – Marija ħdejn Binha Msallab – (pġ. 163-168).
Marija mal-wasla tagħha fuq il-Golgota bdiet dan il-vjaġġ fis-skiet ta’ qalbha u temmitu bl-agonoja ta’ Binha. F’din il-mixja spjegat kemm omm Kristu, wieqfa ħdejn is-salib, kienet determinata li ssegwi kollox b’għajnejha, b’moħħha u b’qalbha. Naqraw, kif mil-maħfra ta’ Ġesù u mid-djalogu tiegħu mal-ħallelin joħroġ x’kien l-għan tat-tbatijiet sew tal-Iben u sew ta’ Ommu.
Tlieta u Għoxrin Vjaġġ – Marija Qrib Binha fl-Agunija Tiegħu – (pġ.169-176).
Id-dalma, li waqgħet minn nofs inhar sat-tlieta, bdiet din il-mixja ta’ Marija u tmiemha kien id-daqqa tal-lanza. Spjegat kif din id-daqqa nifdet qalb Marija ma’ ta’ Binha u r-raġuni għax Kristu, qabel mewtu, il-maternità ta’ Marija wessagħha għal fuq l-Appostli/il-Knisja. Naraw ukoll kif Marija fl-agonija ta’ Binha għamlet mxija ta’ talb fis-skiet ta’ qalbha addolorata.
Erba’ u Għoxrin Vjaġġ – Marija Ħdejn Binha f’Mewtu – (pġ. 177-182).
L-għajta ta’ Ġesù: “Għandi l-għatx” tat bidu għal dan il-vjaġġ u d-daqqa tal-lanza waqqfitu. Wieħed jaqra x’talb qalet Marija waqt il-mewt tal-uniku Iben tagħha. Naqraw għax Kristu qabel mewtu lissen: Għandi l-għatx, u r-raġuni għaliex mal-mewt ta’ Kristu twettqet dik id-dimostrazzjoni, min-naħħa tan-natura, bħala l-aqwa eloġju biex jikkonsla lil Omm il-mejjet.
Ħamsa u Għoxrin Vjaġġ – Marija fil-Funeral ta’ Binha – (pġ. 183-188).
Marija Addolorata dan l-vjaġġ għamlitu minn taħt is-salib fuq il-kalvarju sa ħdejn il-qabar. F’din il-mixja naqraw kif tniżżel il-ġisem mejjet ta’ Ġesù minn fuq is-salib u b’liema Rit, qima u rispett inġarr il-mejjet ghal-qabar għad-dfin. Naqraw ukoll għaliex indifen bl-għaġġla, kontra kif jitlob ir-Rit, jekk il-katavru ta’ Kristu kienx akkompanjat sal-qabar u jekk iva, minn min.
Is-Sitta u Għoxrin Vjaġġ – F’Ħoġor Marija Qabel id-Difna – (pġ. 189-196).
Marija, dan il-vjaġġ bdietu mal-wasla ta’ Binha mejjet fil-qabar u għalqitu t- tqegħdit tal-ġebla quddiem il-qabar. F’din il-mixja nikkontemplaw x’ħabat ma’ moħħ u qalb Marija bil-ġisem mejjet ta’ binha Ġesù, sa ma tpoġġa ġol-art. Il-vjaġġ jagħlaq b’deskrizzjoni ta’ kif Marija, li assistiet għas-sagrifiċċju ta’ binha l-Ħaruf t’Alla, għaddiet il-ħin sa nofs il-lejl tal-Ġimgħa.
Is-Seba’ u Għoxrin Vjaġġ – Marija Addolorata Twelled Il-Ħaruf tal-Għid – (197-204).
Marija, sbiħ is-Sibt mid-difna ta’ Binha, bdiet dan il-vjaġġ u tard bil-lejl tal-istess jum, l’Għid tal-Lhud, għalqu. F’din il-mixja spjegat kemm kien diffiċli għal Marija bid-duluri li kellha, tagħlaq għajn m’għajn. Anke naqraw kif Marija bl-uġigħ tal-ħlas welldet lill-Messija, hekk ukoll bl-uġigħ tal-arrest, tal-passjoni u tad-difna ta’ Binha, hi welldet lil Kristu Rxoxt għad-dinja.
Tmienja u Għoxrin Vjaġġ – Lil Marija jżurha Kristu Rxoxt – (pġ. 205-212).
Dan il-vjaġġ juri kif minnkejja li hu l-iqsar mixja, kien biżżejjed biex fawwar qalb Marija bil-ferħ u patta għas-sofferenza u t-tbatija li kienet ġarrbet. Anke Iż-żjara tal-Iben irxoxtat lil Ommu mhi fl-ebda Evanġelju, fir-rakkonti skont Mark u Ġwanni jinsabu traċċi li jindikaw dan. L-iskolari u s-Santi Padri sal-Papa Ġwanni Pawlu II jżommu, li Kristu Rxoxt deher l-ewwel ’l Ommu.
Disa’ u Għoxrin Vjaġġ – Marija fl-Inżul tal-Ispirtu s-Santu – (pġ. 213-218).
Din il-mixja Marija bdietha mal-Appostli kif rritornaw fiċ-Ċenaklu mit-tlugħ fis-sema ta’ Kristu u sa Inżul l-Ispirtu s-Santu. Tul il-vjaġġ jingħata x’kien is-sehem ta’ Marija fil-qsim tal-esperjenzi ta’ stennija mal-Appostli sal-wasla tal-mibgħut minn Binha. Naqraw x’effett kellhom il-kuraġġ, is-serħan il-moħħ u l-għajnuna li Marija tat lill-Appostli, għal-appostolat tagħhom.
It-Tletin Vjaġġ – Marija Tmut – (pġ. 219-226).
Marija bdiet din il-mixja xħin qorob iż-żmien, li tmut, u b’mewtha kkonkludeta. Fil-vjagg wieħed jaqra f’hiex kienet tikkonsisti ħidmet Marija mal-Appostli, li tferrxu f’postijiet differenti, sa ma tpoġġiet fil-qabar. Din il-mixja turina fejn għexet Marija fl-aħħar snin ta’ ħajjitha. Sintendi, il-vjaġġ jagħlaq b’deskrizzjoni ta’ x’ġara f’mewtha u min kienu dawk li assistewha.
Il-Wieħed u Tletin Vjaġġ – Marija ssegwi lil Binha – (pġ. 227-234).
Dan il-vjaġġ, Marija bdietu b’mewtha u spiċċatu kif il-qabar tagħha nstab vojt mar-ritorn ta’ Tumas. Hu muri, li minnkejja li l-Assunzjoni, la hi fit-Testment il-Ġdid u lanqas fl-istorja, minn evidenza fil-Ktieb tal-Apokalissi naqraw fejn tinsab Marija. Anke spjegat kif ġisem Marija magħmul mix-xejn u li jmut, bit-tlugħ tagħha fis-Sema nbidel f’wieħed glorjuż u santifikanti.
Marija Għadha Tivvjaġġa – Id-Dehriet ta’ Marija fid-Dinja – (pġ. 235-251).
Wieħed, fil-konkluzjoni tal-ktieb jaqra kif Marija, Omm ir-Redentur, wara t-tlugħ tagħha fis-sema sal-pubblikazzjoni ta’ dal-ktieb, dehret seba’ u tletin darba. Dawn id-dehriet b’messaġġ lil diversi nies f’perijodi differenti huma mniżżla skont is-sena meta twettqu. Insibu wkoll ir-raguni għaliex is-sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu, minkejja li mhix dehera, qed tiftaħ din il-lista.
Is-Sejħa mill-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu (pġ. 236); 1 – Il-Madonna tal-Pilastru, Zaragoza (pġ. 236); 2 – Dehret lil San Duminku (pġ. 237); 3 – Id-Dar tal-Mdonna ta’ Loreto (pġ. 237); 4 – Il-Madonna ta’ Liesse, Franza (pġ. 238); 5 – Il-Madonna tal-Parir it-Tajjeb (pġ. 238); 6 – Il-Madonna s-Sewda (pġ. 238); 7 – Il-Madonna ta’ Siauliai (pġ. 239); 8 – Il-Madonna tal-Grazzja (pġ. 239); 9 – Il-Madonna ta’ Guadalupe (pġ. 239); 10 – Il-Madonna Ta’ Ocotlan (pġ. 240); 11 – Il-Madonna tal-Bosk (pġ. 240); 12 – Il-Madonna tal-Blat (pġ. 240); 13 – Il-Madonna ta’ Laus (pġ. 240); 14 – Il-Madonna Bidu taż-Żerniq/Omm tal-Ħniena (pġ. 241); 15 – Il-Madonna tal-Paċi (pġ. 241); 16 – Il-Madonna tas-Sokkors (pġ. 242); 17 – Omm ir-Redentur (pġ. 242); 18 – Dehret lil San Ġwann Marija Vianney (pġ. 243); 19 – Dehret lil Santa Elisabetta Canori Mora (pġ. 243); 20 – Il-Madonna tal-Midalja Mirakoluża (pġ. 243); 21 -Il-Madonna ta’ La Salette (pġ. 244); 22 – Il-Madonna ta’ Lourdes (pġ. 244); 23 – Il-Madonna tal-Kappella Knock (pġ. 244); 24 – Il-Madonna ta’ Pontmain/Il-Madonna tat-Tama (pġ. 245); 25 – Il-Madonna ta’ Pellevoisin (pġ. 245); 26 – Marija Reġina tar-Rużarju (pġ. 245); 27 – L-Omm Qaddisa ta’ Gietrzwald (pġ. 246); 28 – Il-Madonna ta’ Fatima (pġ. 246); 29 – Il-Madonna ta’ Beauraing/Il-Verġni tal-Qalb tad-Deheb (pġ. 246); 30 – Il-Madonna ta’ Banneux/Il-Madonna tal-Fqar (pġ. 247); 31 – Il-Madonna tad-Dmugħ (pġ. 247); 32 – Il-Madonna tal-Karmnu ta ’ Garabandal (pġ. 248); 33 – Il-Madonna ta’ Akita (pġ. 248); 34 – Il-Madonna ta’ Medjugorje (pġ. 248); 35 – Il-Madonna tar-Rużarju ta’ San Nikola (pġ. 249); 36 – Dehriet fil-Knisja ta’ Santa Demiana/L-Omm tad-Dawl Veru (pġ. 249); 37 – Dehret lil Nancy Fowler (pġ. 249); 38 – Dehriet f’Tensta (pġ. 250).