Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ġovanna Antida Thouret


Fit-23 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil Santa Ġovanna Antida Thouret, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1765 sa 1826.

Dil-qaddisa twieldet qrib Besancon, fi Franza, minn familja ta’ bdiewa. Wara l-mewt ta’ ommha kellha tieħu ħsieb seba’ ħutha iżgħar minnha. Ta’ 22 sena daħlet mas-Sorijiet tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul f’Pariġi.

Meta r-Rivoluzzjoni Franċiża xoljiet u xerrdet ir-reliġjużi kollha, fosthom is-Sorijiet tal-Karità, Antida reġgħet sabet ruħha Besancon weħedha, bla ħadd minn sħabha u bla gwida.

Imma l-foqra u l-morda ssibhom dejjem u kullimkien. Il-voti tagħha ma setgħux jiġu kkanċellati mir-rivoluzzjoni u l-qaddisa baqgħet soru bil-moħbi. Kienet tikkura l-morda u tmexxi t-talb f’postijiet moħbija, u kienet ukoll tissogra ħajjitha tgħin lis-saċerdoti fil-ħabs. Imħallta fil-folla, kienet takkompanja sal-giljottina l-ikkundannati għall-mewt, u ssegwihom b’ħarsitha sal-aħħar mument biex tagħmlilhom kuraġġ.

Aktar tard il-vigarju tad-djoċesi ried iwaqqaf Istitut ġdid ta’ sorijiet fuq il-mudell ta’ San Vinċenz de Paul f’Besancon. Ġovanna meddet idejha għal din il-ħidma fil-11 ta’ April, 1797 billi waqqfet is-Sorijiet tal-Karità biex tifforma għalliema, infermieri u katekisti. Għall-ewwel kien hemm ħafna kontra tagħhom (osteġġjati), imbagħad bdew jiġu ttollerati, u fl-aħħar meta tela’ fil-poter Napuljun Bonaparte, is-sorijiet kienu msejħin biex jaħdmu fl-isptarijiet u fl-iskejjel.

Billi l-klima nbidlet, l-istitut żviluppa u fl-1810, il-Marixxal Ġwakkin Murat talab lis-sorijiet biex imorru fir-renju ta’ Napli. Ġovanna Antida marret hemm ma’ tmien sorijiet oħra, waqqfet il-monasteru ta’ Regina Coeli u minn hemm bdiet biex twaqqfu disat idjar oħra.

F’daqqa waħda faqqgħet kriżi fuq il-fondazzjoni min-naħa tal-isqof ta’ Besancon, u fl-1821 marret f’dik il-belt bit-tama li żżomm il-kongregazzjoni magħquda, imma l-isqof ma laqagħhiex, anzi rrifjuta li hija tidħol fl-istitut tagħha stess.

F’dawn iċ-ċirkustanzi dolorużi, Ġovanna Antida Thouret tat lezzjoni mill-aqwa u eżempju kollu dawl għal kulħadd: tbus fis-silenzju l-bieb li kien żbarrat għaliha, u titlaq minn hemm. Taċċetta kollox biex tibqa’ fidila għall-Knisja.

Santa Ġovanna Antida Thouret mietet f’Napli, ħames snin wara din il-ġrajja doloruża, meta kellha ftit inqas minn 61 sena. Kien l-24 ta’ Awwissu, 1826 u difnuha fil-knisja tar-Regina Coeli. Ġiet iddikjarata qaddisa mill-Papa Piju XI fl-1934 wara fejqan mirakoluż li kien seħħ f’Malta ftit snin qabel.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.