Dak it-12 ta’ Mejju!


It-tlieta, 12 ta’ Mejju 2020. Ma kienx le jum bħall-oħrajn! Almenu għalina li, bil-grazzja tal-Mulej, nqattgħu parti kbira minn ħajjitna fuq din l-art mal-pazjenti u l-familjari ta’ dawk li jgħaddu mill-Golgota tal-kanċer. It-Tlieta, 12 ta’ Mejju 2020, lanqas ma kien jum ieħor fir-rutina tagħna l-ħaddiema fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Ilkoll kemm aħna, bil-kappillan tal-Isptar inkluż magħna għax ħaġa waħda magħna, ridna li dan il-jum hekk sabiħ u speċjali niċċelebrawh b’imħabba u għożża kbira. Mhux b’pompa tal-istorbju iżda b’ħafna u ħafna radd-il ħajr lill-Mulej!

Dan l-għaliex, f’dan il-jum, mal-Knisja universali, tiġi iċċelebrata l-festa sabiħa tal-Patri Kapuċċin qaddis San Leopoldu Mandic. Dan il-Patri, hekk umli u ta’ qalb kbira u mimlija ħniena ta’ Kristu, li miet fl-1942, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra dinjija, ħalla warajh wirt spiritwali kbir. Ibda’ biex kien konfessur mustaċċun. Il-ħniena li kellu fih għall-midneb kienet tant kbira li ħafna penitenti kienu jibdlu ħajjithom hekk kif kienu jersqu lejn il-konfessjonarju tiegħu. Li, kif turina l-istorja ta’ ħajtu, ma kien jikkonsisti f’xejn ta’ barra minn hawn għajr ġinokjatur fiċ-ċella żgħira tiegħu. Hemm, għal tnax, erbatax u anki sittax-il siegħa kuljum, Patri Leopoldu kien iqarar fuq li jqarar ħalli jressaq lin-nies lejn il-Mulej. Għax, kien jemmen ħafna f’dak li kien jgħid: Ħa jkollkom il-fidi Alla u t-tabib u l-mediċina.

Issa, dan il-Patri qaddis, kien ħalla dan il-wied tad-dmugħ f’kanċer fl-istonku. Barra minhekk, il-kuntatt tiegħu mal-morda, mat-tobba u l-infermieri kollha tal-Isptar wassal biex ħafna resqu lejn il-Mulej. Kemm kienet imbierka dik il-ħlewwa, dak l-għaqal u dik il-prudenza rispettuża! U, fuq kollox, dik il-qalb kbira li ma kienet qatt tehda milli tisma’ l-barka tal-batut!

Meta l-Knisja, għall-ewwel darba, fl-2019, ħabbret li San Leopold Mandic, Kapuċċin bħali, hu l-qaddis padrun ta’ dawk li jbatu mill-kanċer, il-Mulej mill-ewwel urieni, bl-Ispirtu tiegħU, li kellna niċċelebraw il-festa tiegħu hawnhekk, fiċ-Ċentru Onkoloġiku Sir Anthony Mamo. Għax, jekk ma niċċelbrawx il-festa tiegħu hawn, ta’ dan il-qaddis Kapuċċin li hu l-qaddis padrun tal-pazjenti bil-kanċer, fejn stajna niċċelebrawha l-festa tiegħu? Barra minhekk, bħala Kapuċċini li ilna naħdmu għal dawn is-snin kollha mal-pazjenti u l-familjari ta’ dawk milquta mill-marda tal-kanċer, kif nistgħu nonqsu milli niċċelebraw il-festa tiegħu issa, li sar padrun tagħhom? U, fuq kollox, stajna ma niċċelebrawhiex din il-festa hekk kbira meta issa, il-Mulej, bil-barka tal-Knisja tiegħU, lilna l-Kapuċċini qed jurina, bl-iswed fuq l-abjad, li postna huwa mal-morda bil-kanċer? Kieku kif għażlilna wieħed minn ħutna Kapuċċini l-qaddis padrun tagħhom? U anki tagħna l-ħaddiema li naħdmu magħhom? Fi ftit kliem kien sewwa u xieraq li niċċelebraw din il-festa sabiħa ta’ San Leopoldu Mandic fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo nhar it-12 ta’ Mejju 2020!

Għalhekk, l-Ispirtu s-Santu urieni kif għandi nqassmu dan il-jum ta’ talb fl-Isptar. L-ewwel li ma tbierku u tlabna flimkien kienu l-ħaddiema tal-amministrazzjoni. Imbagħad, naqra naqra, bdejna nieżlin ma’ kull sala tal-Isptar. F’kull laqgħa ta’ talb intalbu tlett talbiet. Waħda għall-morda, l-oħra għall-familjari tagħhom u, fl-aħħar nett, waħda għall-istaff.

Nibdew bit-talba li ntalbet għall-marid u l-marida. Għażiż San Leopoldu, int li dejjem għent u farraġt lil dawk kollha li ġew għandek fil-ħtiġijiet spiritwali u materjali. Imħeġġeġ u mħeġġa minn fiduċja kbira, anki jien niġi għandek, int li tant int għani fil-ħniena u l-ġenerożità. F’ħajtek għaddejt mill-inkwiet u mill-għejja li tgħix b’tumur: kun viċin tiegħi. Int taf il-qsim il-qalb u l-biża’ tiegħi: ejja ħalli tgħinni. Saħħaħ il-fidi tiegħi, qawwa it-tama tiegħi, aqlagħli l-grazzja li naffronta t-tbatija tiegħi u l-kura tal-marda tiegħi. Għinni ngħaddi b’mod pożittiv minn din il-prova. Itlob għalija quddiem il-Missier sakemm qalbi ssib il-vera paċi u s-serenità. Agħmel li jien nista,’ b’qalb rikonoxxenti, niżżi ħajr lil dak Alla ħanin li int stess xandart li hu “t-tabib u l-mediċina.” Glorja lill-Missier …

Fit-talba għall-familjari tlabna hekk: O Mulej, ħallieq u feddej tagħna, f’ħajtek fuq din l-art u f’San Leopoldu, int kont viċin il-morda u dawk mingħajr tama. Ħares bi ħniena lejn l-irġiel, in-nisa u t-tfal ta’ kull ilsien, poplu u ġens li qiegħdin ibatu minħabba t-tumur. Isma’ talbna u t-talba tal-għeżież tagħhom: San Leopoldu u l-Imqaddsa Verġni Marija jżuruhom spiritwalment u joqgħodu ħdejhom tul il-ħafna sigħat fl-isptar u matul l-iljieli fejn fihom ma jagħlqux għajn m’għajn. O San Leopoldu, nindirizzaw anki lilek it-talba tagħna b’qalb mimlija niket u biża għall-għeżież, għażiż/a ħuna/oħtna … Int li farraġt il-ħafna li resqu lejn il-konfessjonarju tiegħek u kont tafdahom f’idejn il-Verġni Marija, “Parona Benedeta,” (il-Padruna Mbierka) agħmel li fl-inkwiet kbir dwar din il-marda tifjorixxi l-gratitudni għall-ħajja u għat-tama li s-saħħa terġa’ lura. Glorja lill-Missier …

L-aħħar talba li tlabna u ndirizzajnieha lil San Leopoldu kienet għall-ħaddiema tal-Isptar tal-Onkoloġija. Għażiż San Leopoldu, fis-servizz tiegħek ta’ saċerdot, konfessur u direttur spiritwali, kellek rispett kbir u ħbiberija sinċiera mal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa: tobba, kirurgi, speċjalisti kliniċi, għalliema universitarji, infermiera. Bħala samaritani ħanina, kienu jgħinu u jfarrġu lill-morda fil-korsiji tal-isptar. Nitolbuk biex dawk kollha li jinsabu għas-servizz tas-saħħa u tal-ħajja umana jagħrfu jżewġu dejjem il-kompetenza professjonali mad-disponibiltà li tieħu ħsieb. Agħmel li l-pazjent jibqa’ dejjem persuna li għandu jiġi rispettat/a fis-sensibiltajiet, fil-biżgħat u fl-istennija tiegħu u tagħha. Nitolbuk biex iddawwal lill-istudjuż fir-riċerka tiegħu u tagħha ta’ kura ġdida, tmexxi l-id tal-kirurgu, tgħin lit-tabib fil-qari tar-rapporti mediċi, fid-dijanjożi eżatta u fit-terapija t-tajba.

O San Leopoldu, il-preżenza tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u tal-voluntari fl-isptarijiet jalla tkun tixbaħ dejjem lil tiegħek: rispettuża, dejjem serena u bit-tbissima, bħal meta kont tilqa’ lil min kien imnikket mit-tbatijiet fiżiċi u mtaqqal fl-ispirtu. Jalla jagħrfu, bit-talb qawwi tiegħek, jinjettaw il-mediċini spiritwali tal-kuraġġ u tat-tama. Glorja lill-Missier … Salve Regina.

Dan il-festa, li ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, laqgħtet ħafna qlub! L-għaliex kemm il-morda, il-familjari u l-membri tal-istaff ħassewhom imfarrrġa bil-preżenza tal-Mulej f’nofshom permezz ta’ San Leopoldu. Kemm tfarrġu bl-ilma mbierek li ġie mraxxax fuqhom! Persuna persuna. Anki jien, bħala l-kappillan preżenti ta’ dan l-isptar, ukoll ħassejtni mfarraġ bil-kbir! Ħajti qiegħdha fl-onkoloġija. Il-kanċer ġarrabtu bit-telfa ta’ oħti Josephine, studjajt kif għandi nittratta ma’ dawn il-pazjenti fl-Awstralja u jien stess pazjent tal-imatoloġija. Barra minhekk, u bi grazzja tal-Mulej, jien ukoll Patri Kapuċċin. Ħu San Leopoldu, il-qaddis patrun tal-morda bil-kanċer. U, f’dan l-isptar, ma tawx ħajjithom tul l-istorja biżibilju ta’ Patrijiet Kapuċċini bħala Kappillani? Allura, u fid-dawl ta’ dan kollu, posti fejn verament hu jekk mhux ma’ dawn il-pazjenti, il-familjari tagħhom u l-membri tal-istaff fiċ-Ċentru Onkoloġiku Sir Anthony Mamo?

Kemm għerf, kemm faraġ, kemm kuraġġ għoġbu l-Mulej jitfa’ fina ilkoll nhar it-12 ta’ Mejju 2020! Bl-ewwel festa iċċelebrata ta’ San Leopoldu, il-qaddis padrun tal-morda tal-Onkoloġija, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo!

Patri Mario Attard OFM Cap