Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-XI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Deher karru tan-nar u Elija tala’ s-sema.
2 Slaten 2, 1.6-14

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

Ġara li meta l-Mulej kien se jtalla’ s-sema lil Elija ġor-riefnu, Elija kien telaq ma’ Eliżew minn Gilgal.

Waslu Ġeriko u Elija qallu: “Oqgħod hawn, nitolbok, għax il-Mulej bagħatni lejn il-Ġordan”. U wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej u daqs kemm int ħaj int, ma nħallikx”. U telqu t-tnejn.

U ħamsin wieħed minn ulied il-profeti telqu magħhom, u qagħdu ftit ’il bogħod minn quddiemhom, u huma t-tnejn waqfu ħdejn il-Ġordan. U Elija qabad il-mantar tiegħu, kebbu, u ħabbtu mal-ilma; u dan inferaq ’l hemm u ’l hawn. U qasmu huma t-tnejn fl-inxif. U ġara li huma u jaqsmu, Elija qal lil Eliżew: “Itlobni x’għandi nagħmillek qabel ma nittieħed minn ħdejk”. U Eliżew wieġbu: “Ħa jkun hemm fija żewġ ishma mill-ispirtu tiegħek!”. U qallu: “Ħaġa iebsa tlabtni. Jekk tarani nittieħed minn ħdejk, ikunlek hekk; jekk le, ma jkunlekx”. U ġara li huma u sejrin, jimxu u jitkellmu, f’daqqa waħda karru tan-nar bi żwiemel tan-nar firidhom minn xulxin, u Elija tala’ s-sema fir-riefnu.

Eliżew baqa’ jħares u jgħajjat: “Missieri, Missieri, il-karru ta’ Iżrael u r-rikkieb tiegħu!”. U ma rahx iżjed; u qabad fi ħwejġu u ċarrathom f’biċċtejn. Imbagħad ġabar il-mantar ta’ Elija li kien waqa’ minn fuqu, u raġa’ lura u waqaf max-xatt tal-Ġordan. U ħa l-mantar ta’ Elija li kien waqa’ minn fuqu u ħabbtu mal-ilma, u qal: “Fejn hu l-Mulej Alla ta’ Elija issa? Fejn hu?”. U ta daqqa fuq l-ilma, u dan inferaq, ’l hawn u ’l hemm, u Eliżew għadda għan-naħa l-oħra.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 30 (31), 20.21.24

R/. (25): Issaħħu u qawwu qalbkom,
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej

Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,
li inti rfajt għal min jibża’ minnek,
li int ħejjejt għal min jafda fik,
quddiem il-bnedmin kollha! R/.

Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom kontra t-tnassis tal-bnedmin;
fl-għarix tiegħek taħbihom
kontra t-tqassis tal-ilsna. R/.

Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha.
Lit-twajbin iħarishom il-Mulej,
imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.
Mt 6, 1-6.16-18

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet. Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu