Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-IX ġimgħa matul is-Sena. San Bonifaċju, Isqof u Martri (TO)


Stampa t-test tal-qari …

Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni.
2 Tim 3, 10-17

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, inti mxejt warajja fit-tagħlim tiegħi, fl-imġiba tiegħi, fil-pjan u t-twemmin tiegħi; fis-sabar, fl-imħabba u fil-perseveranza tiegħi; fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet li ġew fuqi f’Antijokja, f’Ikonju u f’Listra.

X’persekuzzjonijiet għaddejt minnhom! Iżda ħelisni l-Mulej minnhom kollha! U dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni. Imma n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu. Imma int ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 157.160.161.165.166.168

R/. (165a): Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek

Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni;
imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.
Is-sewwa tiegħek il-qofol ta’ kelmtek;
għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek. R/.

Il-kbarat għal xejn b’xejn jagħmlu għalija,
imma minn kelmtek tibża’ qalbi.
Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek;
ma hemm ebda tfixkil għalihom. R/.

Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej;
u nħares il-kmandamenti tiegħek.
Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek;
quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David?
Mk 12, 35-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, hu u jgħallem fit-tempju, Ġesù qabad u qal: “Din kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David? David stess, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, qal: “Il-Mulej qal lil Sidi: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejk”. Jekk David stess sejjaħlu Sidu, mela kif inhu ibnu?”. U dik il-kotra kbira ta’ nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu