Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-X ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej!
1 Slaten 19, 9a.11-16

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih. U Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej”.

U hemm hu, jgħaddi l-Mulej; riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżżiża. U wara t-theżżiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar. U fil-ħin jisma’ leħen jgħidlu: “X’inti tagħmel hawn, Elija?”. U hu wieġeb: “Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla tal-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek, farrku l-altari tiegħek, u ’l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxu jneħħuli ħajti”. Il-Mulej qal lil Elija: “Itlaq u erġa’ aqbad triqtek lejn id-deżert ta’ Damasku. U malli tasal, idlek lil Ħażael bħala sultan ta’ Aram; hekk ukoll lil Ġeħu bin Nimsi, idilku sultan ta’ Iżrael; u lil Eliżew bin Safat, ta’ Abel-meħola, idilku profeta flokok”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 26 (27), 7-8a.8b-9abċ.13-14

R/. (8b): Jien wiċċek infittex, Mulej

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni.
“Ejja!” għedt f’qalbi: “fittex ’il wiċċu”. R/.

Jien wiċċek infittex, Mulej.
La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi. R/.

Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 2, 15d.16a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.
Mt 5, 27-32

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: “La tagħmilx adulterju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern. Intqal ukoll: “Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu