Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-XII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Is-sultan ta’ Babilonja ġarr fil-jasar lil Ġehojakin u l-kbarat tal-pajjiż.
2 Slaten 24, 8-17

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

Ġehojakin kellu tmintax-il sena meta sar sultan, u dam isaltan tliet xhur f’Ġerusalemm; ommu kien jisimha Neħusta bint Elnatan, minn Ġerusalemm.

Huwa għamel il-ħażin quddiem il-Mulej, bħal dak kollu li għamel missieru. F’dik il-ħabta l-qaddejja ta’ Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, telgħu għal Ġerusalemm, u l-belt għalquha f’assedju. Nabukodonosor resaq huwa wkoll għall-belt, waqt li l-qaddejja tiegħu kienu qegħdin idawruha minn kullimkien. Imbagħad Ġehojakin, sultan ta’ Ġuda, mar quddiem is-sultan ta’ Babilonja, hu, ommu, il-qaddejja tiegħu, u l-kbarat u l-fizzjali tiegħu; u s-sultan ta’ Babilonja qabdu priġunier fit-tmien sena tas-saltna tiegħu. Dan ġarr minn hemm it-teżori kollha tat-tempju tal-Mulej u t-teżori tal-palazz tas-sultan, u farrak it-tagħmir kollu tad-deheb li Salamun, sultan ta’ Iżrael, kien għamel fit-tempju tal-Mulej; hekk seħħet ilkelma tal-Mulej. U ġarr fil-jasar lil Ġerusalemm kollha, il-kapijiet u l-qalbenin kollha tal-eżerċtu, għaxart elef ilsir, u l-ħaddieda u l-mastrudaxxi kollha; min-nies tal-pajjiż ma kienx fadal ħlief il-fqar. U ġarr fil-jasar f’Babilonja lil Ġehojakin, lil omm is-sultan, in-nisa tas-sultan, il-fizzjali tiegħu u l-kbarat tal-pajjiż; ħadhom fl-eżilju minn Ġerusalemm f’Babilonja. Is-suldati kollha, sebat elef raġel; u l-ħaddieda u l-mastrudaxxi kollha, elf ruħ; u l-qalbenin kollha tajbin għall-gwerra; ilkoll ġarrhom is-sultan ta’ Babilonja fl-eżilju ta’ Babilonja. Minflok Ġehojakin, is-sultan ta’ Babilonja għamel sultan lil Mattanija, zijuh, u bidillu ismu f’Sedekija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 78 (79), 1-2.3-5.8.9

R/. (9b): Mulej, eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek

O Alla, daħlu l-ġnus f’wirtek,
niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,
għamlu ’l Ġerusalemm ħerba waħda.
Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek b’ikel lit-tjur tal-ajru;
taw laħam ħbiebek lill-bhejjem tal-art. R/.

Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm;
u ma kienx hemm min jidfinhom.
Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna,
għad-daħk u ż-żebliħ għal ta’ madwarna.
Mulej, għal dejjem se tibqa’ inkurlat magħna?
Se tibqa’ mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek? R/.

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,
għax ninsabu mifnija għall-aħħar.
Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Id-dar mibnija fuq il-blat u d-dar mibnija fuq ir-ramel.
Mt 7, 21-29

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mhux kull min jgħidli: “Mulej, Mulej”, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli: “Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?”. Imbagħad jien ngħidilhom: “Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!”.

Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”.

Ġara li, meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax u kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu