Qari tal-Quddies tal-Qalb bla Tebgħa tal-Imqaddsa Verġni Marija (TO)


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Qatlu lil Żakkarija bejn is-santwarju u l-altar.
2 Kron 24, 17-25

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki

Meta miet Ġehojada l-prinċpijiet ta’ Ġuda marru jsellmu lis-sultan b’wiċċhom fl-art, u mbagħad is-sultan tahom widen.

Huma ħallew it-tempju tal-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, u marru jaqdu x-xbihat tal-Asera u l-idoli. U l-korla tal-Mulej xegħlet kontra Ġuda u Ġerusalemm minħabba din il-ħtija tagħhom. Hu bagħat profeti biex reġġgħuhom lura għand il-Mulej; dawn widdbuhom, iżda huma ma tawx widen.

Imbagħad l-ispirtu ta’ Alla mela ruħ Żakkarija, bin il-qassis Ġehojada, u qam f’nofs il-poplu u kellimhom hekk: “Dan jgħid Alla: “Għala qegħdin tiksru l-kmandamenti tal-Mulej? Għalhekk ma tistgħux issibu risq. Intom tlaqtu lill-Mulej, u hu telaq lilkom”.

Iżda huma ftiehmu bejniethom, u bl-ordni tas-sultan ħaġġruh fil-bit a tat-tempju tal-Mulej. Is-sultan Ġowas nesa l-ġid li Ġehojada, missier Żakkarija, kien għamel miegħu, qatillu lil ibnu li, hu u jmut, qal: “Ħa jara l-Mulej, u jitlob il-kont hu”.

Ġara li f’għeluq is-sena, l-eżerċtu ta’ Aram tala’ għal Ġowas, daħlu f’Ġuda u f’Ġerusalemm, u qerdu mill-poplu l-prinċpijiet kollha tiegħu, u bagħtu l-priża tagħhom kollha lis-sultan f’Damasku. Għad li l-eżerċtu ta’ Aram ġie bi ftit nies, il-Mulej telaq f’idejhom l-eżerċtu kbir ħafna, għaliex kienu telqu l-Mulej, Alla ta’ missirijiethom. B’hekk għamlu ħaqq minn Ġowas. U wara li telqu minn ħdejh u ħallewh midrub sewwa, il-qaddejja tiegħu għamlu konfoffa kontrih biex jitħallsu minnu talli kien xerred demm bin Ġehojada, il-qassis; u qatluh f’soddtu u hekk miet. U difnuh fil-belt ta’ David, imma mhux fl-oqbra tas-slaten.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 88 (89), 4-5.29-30.31-32.33-34

R/. (29a): It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem

Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
“Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.

It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.
Nagħmel li nislu jibqa’ għal dejjem;
it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema. R/.

Jekk uliedu jħallu l-liġi tiegħi,
u ma jimxux skont il-preċetti tiegħi;
jekk huma jiksru l-liġijiet tiegħi,
u ma jħarsux il-kmandamenti tiegħi. R/.

Jien nikkastiga ħtijiethom bil-virga,
u bis-swat il-ħażen tagħhom.
Iżda ma nwarrabx tjubiti minnu;
ma niksirx il-kelma li tajtu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Kor 8, 9

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù Kristu, għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
Hallelujah

EVANĠELJU
Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada.
Mt 6, 24-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja mhijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss?

U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna?

Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu: “X’se nieklu? X’se nixorbu? X’se nilbsu?” Dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.

Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu