Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-X ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Din hi l-kelma tal-Mulej: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt.
1 Slaten 17, 7-16

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, Elija mar jinħeba ħdejn il-wied. Imma wara ftit taż- żmien il-wied nixef, għax ma kinitx għamlet xita fil-pajjiż. Il-Mulej kellem lil Elija u qallu: “Qum u mur f’Sarefta ta’ Sidon, u oqgħod hemm. Jien ikkmandajt lil waħda armla minn hemm biex titimgħek”.

Qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob”.

Hi u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idek”. Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu”. Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: “Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż”.

U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 4 , 2-3.4-5.7-8

R/. (7): Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek

Weġibni, meta nsejjaħlek,
Alla tal-ġustizzja tiegħi;
oħroġni fil-wisa’ meta nkun imdejjaq,
ħenn għalija u isma’ talbi.
Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom?
Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb? R/.

Kunu afu li l-Mulej wera tieba kbira miegħi;
jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.
Triegħdu bil-biża’, u la tidinbux;
aħsbu f’qalbkom billejl, u isktu! R/.

Ħafna jgħidu: “Min jurina r-risq?”
Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek.
Int nissilt l-hena f’qalbi,
aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin,
biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom
u jagħtu glorja lil Missierkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Intom id-dawl tad-dinja.
Mt 5, 13-16

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu