Qari tal-Quddies tat-Tnax-il Ħadd ta’ matul is-Sena “A”

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Il-Mulej ħeles lill-imsejken minn id il-ħżiena.
Ġer 20, 10-13

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

F’dak iż-żmien, Ġeremija qal:
Ma nismax ħlief taqsis il-kotra;
biża’ madwari kollu!

“Ixluh! Ħa nixluh!”.
Jgħajtu saħansitra ħbiebi kollha,
ifittxu l-qerda tiegħi: “Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh;
ta’ kollox nitħallsu minnu!”.
Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni,
għalhekk dawk li jagħmlu għalija
jogħtru, ma jagħmlu xejn,
jitħawdu bis-sħiħ, għax ħsiebhom ma jseħħx;
għajb għalihom li ma jintesa qatt.
Int, Mulej tal-eżerċti, li ġġarrab il-ġust,
li tara l-ġewwieni u l-qalb,
ħallini nara l-vendetta tiegħek kontrihom,
għax f’idejk ħallejt il-kawża tiegħi.
Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej,
għaliex ħajjet l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 68 (69), 8-10.14.17.33-35

R/. (14ċ): Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, O Alla

Minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,
u l-mistħija tiksili wiċċi.
Sirt barrani għal ħuti,
ulied ommi ma jagħrfunix.
Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,
it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi. R/.

Imma jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.
Ifaħħruh is-sema u l-art,
l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom. R/.

QARI II
Id-don mhuwiex bħall-ħtija.
Rum 5, 12-15

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.

Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm. Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, mqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.

Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15, 26b.27a

Hallelujah R/. Hallelujah
L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej;
u intom ukoll tixhdu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-ġisem.
Mt 10, 26-33

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux millbnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem flinfern.

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: