It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
QARI I
Il-Mulej inkorla sewwa għal Iżrael, u warrabhom minn quddiem wiċċu, u baqgħet weħidha t-tribù ta’ Ġuda.
2 Slaten 17, 5-8.13-15a.18
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, is-sultan tal-Assirja tala’ għalihom, u dar il-pajjiż kollu, ħabat għas-Samarija, u għalaqha minn kullimkien għal tliet snin.
Fid-disa’ sena ta’ Ħosegħa, is-sultan tal-Assirja qabad f’idejh is-Samarija, karkar l-Iżraelin lejn l-Assirja u ġagħalhom jgħammru f’Ħalah u matul il-Habor, xmara ta’ Gożan, u fl-ibliet tal-Medja.
Dan kollu ġralhom għaliex ulied Iżrael kienu dinbu kontra l-Mulej, Alla tagħhom, li kien tellagħhom mill-Eġittu minn taħt idejn il-Fargħun, is-sultan tal-Eġittu. Iżda huma bdew iqimu allat oħra; imxew fuq id-drawwiet tal-ġnus li Alla kien keċċa minn quddiem ulied Iżrael, u fuq id-drawwiet li kienu daħħlu s-slaten ta’ Iżrael.
Il-Mulej kien iwiddeb lil Iżrael u lil Ġuda permezz ta’ kull profeta u ta’ kull veġġent, u jgħidilhom: “Erġgħu lura minn triqatkom il-ħżiena, u ħarsu l-ordnijiet tiegħi, u d-digrieti u l-liġi kollha li jien ordnajt lil missirijietkom, u li jien bgħattilkom permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti”. Imma huma ma semgħux, u webbsu rashom bħal missirijiethom, li ma emmnux fil-Mulej, Alla tagħhom. U warrbu l-liġijiet tiegħu u l-patt tiegħu, li kien għamel ma’ missirijiethom, u t-twiddib tiegħu li kien għamlilhom. Għalhekk il-Mulej inkorla sewwa għal Iżrael, u warrabhom minn quddiem wiċċu, u baqgħet weħidha t-tribù ta’ Ġuda.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 59 (60), 3.4-5.12-13
R/. (7b): Mulej, għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!
O Alla, inti warrabtna u kissirtna,
għadabt għalina; erġa’ dur lejna! R/.
Int heżżiżt l-art u xaqqaqtha;
sewwi l-qsim tagħha, għax saret ħerba.
Urejt l-iebes lill-poplu tiegħek,
sqejtna nbid li jsakkar. R/.
Mhux int, o Alla, li warrabtna,
u li m’għadekx toħroġ mal-eżerċti tagħna?
Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu;
għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lhud 4, 12
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija;
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int.
Mt 7, 1-5
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom. Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk: “Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek”, meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu