11. Il-Knisja tgħix fl-Imħabba tat-Trinità

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 09/10/1991.

1. Il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Lumen Gentium jikkonkludi l-ewwel parti tal-espożizzjoni tiegħu dwar il-Knisja b’sentenza ta’ San Ċiprijanu partikolarment sintetika u densa bil-misteru: Il-Knisja universali tippreżenta ruħha bħala “poplu miġbur fl-għaqda tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu”” (Lumen Gentium,  4).

Skont il-Konċilju mela, il-Knisja hija fl-essenza l-iktar intima tagħha misteru ta’ fidi, marbut b’mod intimu mal-misteru infinit tat-Trinità. Għal dan il-misteru fil-misteru jmissna issa li niddedikaw l-osservazzjonijiet tagħna, wara li ppreżentajna fil-katekeżi ta’ qabel, il-Knisja fit-tagħlim ta’ Ġesù u fl-“opus paschale” minnu mwettaq bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet u nkurunat f’jum Għid il-Ħamsin bl-inżul tal-Ispirtu Santu fuq l-Appostli. Skont il-maġisteru tal-Konċilju Vatikan II, werriet tat-tradizzjoni, il-misteru tal-Knisja jinsab b’għeruqu f’Alla-Trinità u għalhekk għandu bħal dimensjoni ewlenija u fundamentali dik trinitarja, ladarba mill-oriġni sal-konklużjoni storika tagħha u sad-destinazzjoni eterna tagħha l-Knisja għandha konsistenza u ħajja fit-Trinità (cf. San Ċiprijanu, De oratione dominica, 23: PL 4,553).

2. Tali prospettiva trinitarja tinfetaħ fuq il-Knisja minn Ġesù bl-aħħar kliem tiegħu migħud lill-Appostli qabel ir-ritorn definittiv għand il-Missier: “Morru mela u għallmu l-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 19). “Il-ġnus kollha”, mistednin u msejħin biex jingħaqdu f’fidi waħda, huma mmarkati fil-misteru ta’ Alla wieħed u tlieta. Ilkoll huma mistednin u msejħin għall-magħmudija li tfisser l-introduzzjoni fil-misteru tal-ħajja divina tas-Santissima Trinità, permezz tal-Knisja tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, ġebla tax-xewka viżibbli tal-komunità ta’ dawk li jemmnu.

3. Tali prospettiva trinitarja, indikata minn Kristu meta bagħat lill-Appostli biex jevanġelizzaw id-dinja kollha, issib l-espressjoni tagħha fit-tislima ndirizzata minn Pawlu lill-komunità ta’ Korintu: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla (Missier) u l-għaqda tal-Ispirtu Santu jkunu magħkom ilkoll!” (2 Kor 13, 13). Din hija l-istess tislima li fil-liturġija tal-Quddiesa, imġedda wara l-Konċilju Vatikan II, iċ-ċelebrant jindirizza lill-miġemgħa, l-istess bħal ma darba waħda kien għamel l-Appostlu Pawlu mal-fidili ta’ Korintu. Din tesprimi l-awgurju li l-insara jsiru lkoll parteċipi tad-doni attribwiti lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu Santu: l-imħabba tal-Missier ħallieq, il-grazzja tal-Iben feddej, l-għaqda fil-komunjoni tal-Ispirtu Santu rabta ta’ mħabba tat-Trinità, li tagħha saret parteċipi l-Knisja.

4. L-istess prospettiva trinitarja nerġgħu nsibuha f’test ieħor pawlin ta’ mportanza kbira fir-rigward tal-missjoni tal-Knisja: “Hemm imbagħad differenzi ta’ kariżmi, imma wieħed biss huwa l-Ispirtu; hemm differenzi ta’ ministri, imma wieħed biss huwa l-Mulej; hemm differenzi ta’ operazzjonijiet, imma wieħed biss huwa Alla, li jopera kollox f’kulħadd” (1 Kor 12, 4-6). Bla ebda dubju l-għaqda tal-Knisja tirrifletti l-għaqda ta’ Alla, imma fl-istess ħin tikseb vitalità mit-Trinità tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, li tirrifletti ruħha fl-għana tal-ħajja ekkleżjali. L-għaqda hija fertili b’manifestazzjonijiet versatili tal-ħajja. Fuq il-misteru kollu tal-għaqda l-iktar għanja tal-Knisja jinfirex il-misteru sovran ta’ Alla Wieħed u Tlieta.

5. Fil-ħajja tal-Knisja huwa possibbli li wieħed jiskopri r-riflessi tal-unità u tat-trinità divina. Fl-oriġni ta’ din il-ħajja wieħed jara b’mod partikolari l-imħabba tal-Missier, li għandu l-inizjattiva, kemm tal-ħolqien, kif ukoll tal-fidwa, li għaliha Huwa jlaqqà lill-bnedmin bħala wlied f’Ibnu uniġenitu. Għalhekk il-ħajja tal-Knisja hija l-ħajja ta’ Kristu nnifsu, li jgħix fina, waqt li jtina sehem fil-filjolanza divina tiegħu. U dan is-sehem jiġi operat mill-Ispirtu Santu, li iva jagħmel li, bħal Kristu u ma’ Kristu, ngħidu lil Alla: “Abbà, Missier!” (Rm 8, 15).

6. F’din l-invokazzjoni jinsab kliem ta’ oriġni divina – u trinitarja! – l-għarfien il-ġdid tas-sehem tal-bniedem fil-filjolanza tal-Iben ta’ Alla bil-qawwa tal-Ispirtu Santu li jagħti l-grazzja. L-istess Spirtu, bil-grazzja, jattwa l-wegħda ta’ Kristu rigward l-inabitazzjoni ta’ Alla-Trinità fl-ulied tal-addozzjoni divina. Infatti, il-wegħda magħmula minn Ġesù: “Jekk wieħed iħobbni, josserva kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu” (Gv 14, 23), hija lluminata fil-Vanġelu minn wegħda preċedenti: “Jekk tħobbuni, tosservaw il-kmandamenti tiegħi u jiena nitlob lill-Missier u huwa jtikom Konsulatur ieħor sabiex jibqà dejjem magħkom” (Ġw 14,15-16). Tagħlim simili jingħatalna minn San Pawl, li jgħid lill-insara li huma “tempju ta’ Alla” u jispjega dan il-privileġġ stupend billi jgħid: “L-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom” (1 Kor 3, 16; cf. Rm 8, 9; 1 Kor 6, 19; 2 Kor 6, 16).

U hekk hu li minn dawn it-testi toħroġ verità kbira: il-bniedem-persuna huwa, fil-Knisja, l-għamara tal-Alla-Trinità, u l-Knisja kollha, magħmula minn persuni abitati mit-Trinità, hija bħala ħaġa sħiħa l-għamara, it-tempju tat-Trinità.

7. F’Alla-Trinità jinsab is-sors essenzjali tal-unità tal-Knisja. Dan tindikah it-talba “saċerdotali” ta’ Kristu fiċ-ċenaklu: “. . . sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda. Bħal ma int, Missier, inti fija u jiena fik, ikunu huma wkoll fina ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni. U l-glorja li inti tajt lili, jien tajtha lilhom, sabiex ikunu bħalna ħaġa waħda. Jiena fihom u inti fija sabiex ikunu perfetti fl-unità u d-dinja tkun taf li inti bgħattni u li inti ħabbejthom bħal ma ħabbejt lili” (Ġw 17, 21-23). Hawn hu s-sors, u wkoll il-mudell għall-unità tal-Knisja. Infatti, Ġesù jgħid: ikunu ħaġa waħda, “bħalna”. Imma l-attwazzjoni ta’ dan ix-xebħ divin iseħħ fl-intern tal-unità tat-Trinità: “huma fina”. U f’din l-unità trinitarja tibqà l-Knisja, li tgħix bil-verità u bil-karità tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. U s-sors tal-isforzi kollha mmirati għall-għaqda mill-ġdid tal-insara fl-unità tal-Knisja, feruta fid-dimensjoni umana u storika tal-unità, hija dejjem f’dik it-Trinità waħda u indivizibbli. Fil-bażi tal-veru ekumeniżmu hemm din il-verità tal-unità ekkleżjali li t-talba saċerdotali ta’ Kristu tirrivelalna bħala li ġejja mit-Trinità.

8. Ukoll il-qdusija tal-Knisja – u kull qdusija fil-Knisja – għandha s-sors tagħha fil-qdusija tat-Trinità. Il-passaġġ tal-qdusija trinitarja u dik ekkleżjali iseħħ b’mod speċjali fl-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, bħal ma jidher ċar mill-kliem tal-Aħbar lil Marija: “Dak li jitwieled ikun mela qaddis” (Lq1, 35). Dak il-“qaddis” huwa Kristu, l-Iben ikkonsagrat bid-dlik tal-Ispirtu Santu (cf. Lq 4, 18), l-Iben li bis-sagrifiċċju tiegħu jikkonsagra lilu nnifsu biex ikun jista jikkomunika lid-dixxipli tiegħu il-konsagrazzjoni u l-qdusija propja: “Għalihom nikkonsagra lili nnifsi, sabiex ikunu wkoll huma kkonsagrati fil-verità” (Ġw 17, 19). Igglorifikat mill-Missier permezz ta’ din il-konsagrazzjoni (cf. Ġw 13, 31; 17, 1-2), Kristu rxuxtat jikkomunika lill-Knisja tiegħu l-Ispirtu Santu (cf. Ġw 20, 22; 7, 39), li jirrendija qaddisa (cf. 1 Kor 6, 11).

9. Irrid nikkonkludi billi nenfasizza li din il-Knisja tagħna waħda u qaddisa hija msejħa biex tkun u hija mqiegħda fid-dinja bħala manifestazzjoni ta’ dik l-imħabba li huwa Alla: “Alla huwa mħabba”, jikteb San Ġwann (1 Ġw 4, 8). U jekk Alla huwa Missier u Iben u Spitu Santu, il-ħajja nfinita ta’ għarfien u ta’ mħabba”, tal-Persuni divini hija r-realtà traxxendenti tat-Trinità. Propju din l-“imħabba ta’ Alla  ġiet imsawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu li ingħatalna” (Rm 5, 5).

Il-Knisja – “poplu miġbur fl-unità tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu”, bħal ma qalilna San Ċiprijanu – hija mela s-“sagrament” tal-imħabba trinitarja. Propju f’dan jikkonsisti l-misteru profondissmu tagħha.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: