12. Alla għamel Patt ma’ Iżrael

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 30/10/1991.

1. Skont il-Konċilju Vatikan II, li jikkwota t-test ta’ San Ċiprijanu li dwaru rriflettejna fil-katekeżi preċedenti, “il-Knisja universali tippreżenta ruħha bħala “poplu miġbur fl-għaqda tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu”” (Lumen Gentium,4; cf. San Ċiprijanu, De oratione dominica, 23: PL 4,553).

Bħal ma spjegajna, b’dak il-kliem il-Konċilju jgħallem li l-Knisja hija b’mod speċjali misteru radikat f’Alla-Trinità. Misteru li d-dimensjoni ewlenija u fundamentali tiegħu hija dik trinitarja.  Hija fir-rigward tat-Trinità, sors etern li minnu tirriżulta, li l-Knisja, “tippreżenta ruħha bħala poplu” (Lumen Gentium, 4). Din mela hija l-poplu ta’ Alla, Ta’ Alla wieħed u tlieta. Għal din it-tema rridu issa niddedikaw il-katekeżi preżenti u dawk suċċessivi, dejjem waqt li nsegwu bħala prinċipju gwidanti t-tagħlim tal-Konċilju, kollu spirat mill-Iskrittura Mqaddsa.

2. Il-Konċilju appuntu jiddikjara li “Alla ma riedx iqaddes u jsalva lill-bnedmin b’mod individwali u bla ebda rbit bejniethom, imma ried jikkostitwixxi minnhom poplu li jagħraf fil-verità u li jservih fedelment” (Lumen Gentium, 9). Dan il-pjan ta’ Alla beda juri ruħu sa mill-istorja ta’ Abraham, bl-ewwel kliemi indirizzat lilu minn Alla: “Il-Mulej qal lil Abraham: Itlaq minn pajjiżek . . . lejn il-pajjiż li nurik jien. Se nagħmel minnek poplu kbir u  se nbierkek” (Ġen 12, 1-2).

Din il-wegħda mbagħad ġiet ikkonfermata b’patt (Ġen 15, 18; 17, 1-14) u mxandra, b’mod sollenni wara s-sagrifiċċju ta’ Iżakk. Abraham, waqt li segwa t-talba ta’ Alla, kien lest jissagrifikalu lil ibnu li l-Mulej kien ta lilu u lil martu Sara fi xjuħithom. Imma dak li Alla kellu f’moħħu kien biss li jipprova l-fidi tiegħu. Iżakk mela f’dan is-sagrifiċċju, ma ġarrabx il-mewt, imma baqà ħaj. Abraham iżda kien aċċetta s-sagrifiċċju f’qalbu u dan is-sagrifiċċju tal-qalb, prova ta’ fidi tal-għaġeb, kisiblu l-wegħda ta’ dixxendenza bla numru: “Naħlef għalija nnifsi, qallu Alla, għaliex inti għamilt dan u ma ċħadtlix lil ibnek, l-uniku ibnek, jiena se nbierkek b’kull barka u se nirrendi tassew numeruża d-dixxendenza tiegħek, daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel li jinsab fuq xatt il-baħar  ” (Ġen 22,16-17).

3. L-attwazzjoni ta’ din il-wegħda kellha tgħaddi minn diversi stadji. Infatti, Abraham kien iddestinat li jsir “missier dawk kollha li jemmnu” (cf. Ġen 15, 6; Gal 3, 6-7; Rm 4, 16-17). L-ewwel stadju twettaq fl-Eġittu, fejn “ulied Iżrael immultiplikaw u kibru, saru numerużi u tassew qawwijin u l-pajjiż intelà bihom” (Es 1, 7). Issa r-razza ta’ Abraham kienet saret “il-poplu ta’ wlied Iżrael” (Es 1, 9). Imma kien sab ruħu f’sitwazzjoni umiljanti ta’ skjavitù. Fidil mal-patt tiegħu ma’ Abraham, Alla sejjaħ lil Mosè u qallu: “Osservajt il-miżerja tal-poplu tiegħi fl-Eġittu u smajt il-karba tiegħu . . . Inżilt biex neħilsu . . . Issa mur! . . . Oħroġ mill-Eġittu lill-poplu tiegħi . . .” (Es 3,7-10). Hekk Mosè kien imsejjaħ biex imexxi lill-Iżrael barra mill-iskjavitù tal-Eġittu. “Meta Iżrael kien żagħżugħ, jien ħabbejtu u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”, naqraw fil-ktieb tal-profeta Osea (Os 11, 1). Iżrael mela huwa l-poplu tal-preferenza divina: “Il-Mulej intrabat magħkom u għażilkom, mhux għaliex intom l-iktar numerużi fost il-popli l-oħra kollha – intom infatti l-iżgħar fost il-popli – imma għaliex il-Mulej iħobbkom u għaliex ried iżomm il-ħalfa magħmula lil missirijietkom” (Dt 7, 7-8). Dwar il-fatt li Iżrael huwa l-Poplu ta’ Alla jiddeċiedu mhux il-kwalitajiet umani tiegħu, imma biss l-inizjattiva ta’ Alla.

4. L-inizjattiva divina, dik magħżula sovrana tal-Mulej, tassumi forma ta’ patt. Hekk seħħ fil-każ ta’ Abraham. Hekk jiġri wara l-ħelsien ta’ Iżrael mill-iskjavitù Eġizzjana, Il-medjatur ta ’dak il-patt f’riġlejn il-muntanja Sinai huwa Mosè: “Mosè mar u rrifera lill-poplu l-kliem kollu tal-Mulej u r-regoli kollha. Il-poplu wieġeb kollu f’daqqa u qal: “L-ordnijiet kollha li ta l-Mulej, aħna nwettquhom kollha”. Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, imbagħad qam filgħodu kmieni u bena altar f’riġlejn il-muntanja, bi tnax-il stele għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael”. Imbagħad ġew offruti sagrifiċċji u Mosè xerred fuq l-altar parti mid-demm tal-vittmi. “Imbagħad qabad il-ktieb tal-patt u qrah fil-preżenza tal-poplu”, waqt li rċieva mill-ġdid għal darb’oħra mingħand dawk preżenti l-wegħda tal-ubbidjenza għall-kliem ta’ Alla. Fl-aħħar bil-parti l-oħra tad-demm bierek lill-poplu (cf. Es 24, 3-8).

5. Fil-ktieb tad-Dewteronomju jiġi spjegat is-sinifikat ta’ dik il-ġrajja: “Int smajt illum lill-Mulej jiddikjara li Hu se jkun l-Alla tiegħek, imma biss jekk inti se timxi fi tiqatu u tosserva l-liġijiet tiegħu, il-kmandi tiegħu, ir-regoli tiegħu u se tobdi lil leħnu. Il-Mulej illum ġiegħlek tiddikjara li int se tkun għaliH poplu partikolari” (Dt 26, 17-18). Il-patt ma’ Alla huwa għal Iżrael “elevazzjoni” partikolari. B’dan il-mod Iżrael isir “poplu kkonsagrat lill-Mulej Alla tiegħu” (cf. Dt 26, 19). Dan ifisser appartenenza partikolari lil Alla. Iktar minn hekk: din hija appartenenza reċiproka. “Allura jien se nkun l-Alla tagħkom u intom se tkunu l-poplu tiegħi” (Ġer 7, 23). Din hija d-dispożizzjoni divina. Alla jimpenja lilu nnifsu fil-patt. L-infedeltajiet kollha da parti tal-poplu, fl-istadji differenti tal-istorja tiegħu, ma jaffettwawx il-fedeltà tal-patt da parti ta’ Alla. Wieħed jistà jgħid, jekk xejn, li dawn jiftħu b’xi mod it-triq tal-patt il-ġdid, imħabbar bil-quddiem fil-ktieb tal-profeta Ġeremija: “Il-patt li jien se nikkonkludi mad-dar ta’ Iżrael wara dawk il-jiem . . . Se nqiegħed il-liġi tiegħi f’ruħhom, se niktibha fuq qalbhom” (Ġer 31, 33).

6. Bis-saħħa tal-inizjattiva divina fil-patt, poplu jsir il-Poplu ta’ Alla, u bħala tali huwa qaddis, jiġifieri kkonsagrat lil Alla-Mulej: “Infatti int poplu kkonsagrat lill-Mulej Alla tiegħek” (Dt 7, 6; cf. Dt 26, 19). Fis-sens ta’ din il-konsagrazzjoni jiġi ċcarat ukoll il-kliem tal-Esodu: “Intom tkunu għalija saltna ta’ saċerdoti u nazzjon qaddis” (Es 19, 6). Ukoll jekk tul il-korsa tal-istorja ta’ dak il-poplu jikkommetti bosta dnubiet, ma jiqafx milli jkun il-Poplu ta’ Alla. Minħabba f’hekk, waqt li jerġà jsejħilhom għall-fedeltà tal-Mulej għall-patt minnu stabbilit, Mosè jdur lejh b’appell imqanqal: “La teqridx il-poplu tiegħek, il-wirt tiegħek”, bħala ma naqraw fid-Dewteronomju (Dt 9, 26).

7. Min-naħa tiegħu Alla ma jiqafx milli jdur lejn il-poplu magħżul bil-kelma tiegħu. Ikellmu bosta drabi permezz tal-profeti. Il-kmandament ewlieni jibqà dejjem dak tal-imħabba ta’ Alla fuq kull ħaġa: “Inti tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u bil-forzi kollha” (Dt 6, 5). Ma’ dan il-kmandament hemm marbut il-kmandament tal-imħabba lejn il-proxxmu: “Jiena l-Mulej. La tgħakkisx lill-proxxmu tiegħek . . . La tivvendikax ruħek u la żżommx f’qalbek kontra ulied ġensek, imma ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lv 19, 13.18).

8. Element ieħor joħroġ mit-testi bibbliċi: L-Alla li laħaq patt ma’ Iżrael irid ikun preżenti f’nofs il-poplu tiegħu: preżenti b’mod partikolari. Tali preżenza tesprimi ruħha waqt il-peregrinazzjoni fid-deżert permezz tat-tinda tal-patt. Wara tesprim ruħha permezz tat-tempju”, li s-Sultan Salamun jibni f’Ġerusalem.

Rigward it-tinda tal-patt, naqraw fl-Esodu: “Meta Mosè kien joħroġ biex imur fit-tinda, il-poplu kollu kien iqum bilwieqfa, waqt li kull wieħed kien joqgħod fi dħul it-tinda tiegħu: kienu jħarsu lejn Mosè għaddej, sakemm huwa kien jidħol fit-tinda. Meta Mosè kien jidħol fit-tinda, kienet tinżel il-kolonna tas-sħab li tieqaf ħdejn id-dħul, u lkoll kienu jqumu u jinxteħtu minn tulhom mal-art, kull wieħed fid-dħul tat-tinda tiegħu. B’dan il-mod il-Mulej kien jitkellem ma’ Mosè wiċċ-imb-wiċċ, bħal ma raġel jitkellem ma’ raġel ieħor” (Es 33, 8-11). Id-don ta’ tali preżenza kien sinjal partikolari ta’ elezioni divina, li kienet turi ruħha f’forom simboliċi u kważi f’sinjali ta’ realtà futura: il-patt ta’ Alla mal-poplu ġdid tiegħu fil-Knisja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: