15. Il-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 20/11/1991.

1. Biex jiddeskrivi l-Knisja, San Pawl juża s-similitudni tal-ġisem. “Aħna lkoll – jgħid – ġejna mgħammda fi Spirtu wieħed biex niffurmaw ġisem wieħed, Ġudej u Griegi, skjavi u ħielsa; u lkoll ġejna msoqqija minn Spirtu wieħed”  (1 Kor 12, 13).

Din hija xbiha ġdida. Waqt li l-kunċett ta’ “Poplu ta’ Alla”, li spjegajna fl-aħħar katekeżi, jappartieni lit-Testment il-Qadim, u jerġa jiġi rkuprat u mogħni fil-Ġdid, ix-xbiha tal-“Ġisem ta’ Kristu”, użata wkoll mill-Konċilju Vatikan II fil-kliem dwar il-Knisja, m’għandhiex preċedenti fit-Testment il-Qadim. Din tinsab fl-ittri pawlini, li se nagħmlu riferenza għalihom b’mod speċjali f’din il-katekeżi preżenti. Din ġiet studjata minn kummentaturi u tejoloġi tas-seklu tagħna fl-oriġni pawlina tagħha, fit-tradizzjoni patristika u tejoloġika, li hija ġejja minnha, u fil-validità li tippossiedi wkoll biex tirrapreżenta l-Knisja tal-lum. Din kienet ukoll proposta mill-maġisteru pontifiċju: u l-Papa Piju XII iddedika għaliha Enċiklika memorabbli, intitolata appuntu Mystici Corporis Christi (1943).

Irridu wkoll ninnutaw li fl-ittri pawlini ma nsibux il-kwalifika ta’ mistiku, li titfaċċa biss iktar tard; fl-ittri wieħed jitkellem biss dwar il-“Ġisem ta’ Kristu”, b’mod sempliċi u b’taqbil realistiku mal-ġisem uman. Infatti l-Appostlu jikteb li “bħal ma l-ġisem, minkejja li huwa wieħed, għandu bosta membri, u l-membri kollha, minkejja li huma bosta, huma ġisem wieħed, hekk ukoll huwa Kristu”” (1 Kor 12, 12).

2. L-Appostlu b’dan il-kliem irid jenfasizza l-għaqda u fl-istess ħin il-multepliċità li hija propja tal-Knisja. “Għaliex bħal ma f’ġisem wieħed għandna bosta membri u dawn il-membri mhux kollha għandhom l-istess funzjoni, hekk ukoll aħna, minkejja li aħna bosta, aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed u waħda minna minħabba l-parti tiegħu u tagħha,  aħna membri għal xulxin” (Rm 12, 4-5). Wieħed jasal jgħid li waqt li l-kunċett ta’ “Poplu ta’ Alla” jenfasizza l-multepliċità, dak tal-“Ġisem ta’ Kristu” jenfasizza l-għaqda f’din il-multepliċità, waqt li b’mod speċjali jindika l-prinċipju u s-sors ta’ din l-għaqda: Kristu. “Intom il-ġisem ta’ Kristu u membri tiegħu” (1 Kor 12, 27). “Minkejja li aħna bosta, aħna ġisem wieħed fi Kristu” (Rm 12, 5). Mela nenfasizzaw l-għaqda ta’ Kristu-Knisja u l-għaqda tal-bosta membri tal-Knisja bejniethom, bis-saħħa tal-għaqda tal-ġisem kollu ma’ Kristu.

3. Il-ġisem huwa l-organiżmu li propju bħala organiżmu, jesprimi l-bżonn ta’ koperazzjoni bejn l-organi singli u membri fl-għaqda tat-totalità, hekk komposti u ordnati, skont San Pawl, “sabiex ma jkunx hemm diżunjoni fil-ġisem, imma anzi d-diversi membri tal-ġisem jieħdu ħsieb xulxin” (1 Kor 12, 25). “Anzi dawk il-membri tal-ġisem li jidhru l-iktar dgħajfin huma l-iktar meħtieġa” (1 Kor 12, 22). Aħna infatti, iżid jgħid l-Appostlu, “membri għal xulxin” (Rm 12, 5) fil-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja. Il-multepliċità tal-membri, il-varjetà tal-funzjonijiet ma jistgħux jagħmlu ħsara lill-għaqda, l-istess bħal ma mill-banda l-oħra l-għaqda ma tistax iġġib fix-xejn jew teqred il-multepliċità u l-varjetà tal-membri u tal-funzjonijiet.

4. Din hija esiġenza ta’ armonija “bijoloġika” tal-organiżmu uman, li, ittrasferita, bħala similarità, fid-diskors ekklesjoligu, tindika l-bżonn tas-solidarjetà bejn il-membri kollha tal-komunità-Knisja. Infatti l-Appostlu jikteb: “Jekk wieħed ibati, il-membri kollha jbatu flimkien; u jekk membru jiġi onorat, il-membri kollha jifirħu miegħu” (1 Kor 12, 26).

5. Mela wieħed jistà jgħid li l-kunċett tal-Knisja bħala “il-Ġisem ta’ Kristu” huwa addizzjonali fil-konfront tal-kunċett tal-“Poplu ta’ Alla”. Din hija l-istess realtà, espressa skont iż-żewġ aspetti tal-għaqda u tal-multepliċità, b’żewġ similaritajiet differenti.

Is-similarità tal-ġisem tenfasizza b’mod speċjali l-għaqda tal-ħajja: il-membri tal-Knisja huma magħqudin bejniethom a bażi tal-prinċipju tal-għaqda fil-ħajja identika li tiġi minn Kristu. “Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu?” (1 Kor 6, 15). Din hija l-ħajja spiritwali, u attwalment il-ħajja fl-Ispirtu Santu. Bħal ma naqraw fil-Kostituzzjoni konċiljari dwar il-Knisja, “waqt li jikkomunika l-Ispirtu tiegħu, [Kristu] iva jara li ħutu, imsejħa minn fost il-popli kollha, jikkostitwixxu l-ġisem mistiku tiegħu” (Lumen Gentium, 7). B’dan il-mod Kristu stess huwa “ir-ras tal-ġisem, jiġifieri tal-Knisja” (Kol 1, 18). Il-kondizzjoni biex wieħed jieħu sehem fil-ħajja tal-ġisem hija r-rabta mar-ras, jiġifieri ma’ dak “li minnu l-ġisem kollu jirċievi sostjen u koeżjoni permezz ta’ għoqod u rbit, biex b’hekk jilħaq it-trobbija skont ir-rieda ta’ Alla” (Kol 2, 19).

6. Il-Kunċett pawlin ta’ Ras (Kristu-ras tal-ġisem li hija l-Knisja) jfisser qabel kollox il-poter li jappartieni lilu fuq il-ġisem kollu: poter suprem, li dwaru naqraw fl-ittra lill-Efesin li Alla “kollox huwa sottomess f’riġlejh u  ikkostitwih fuq il-ħwejjeġ kollha bħala ras tal-Knisja” (Ef 1, 22). Bħala Ras, Kristu jimla l-Knisja-ġisem b’ħajtu divina, sabiex kollox jikber “lejh, li huwa r-ras, Kristu, li minnu l-ġisem kollu, żviluppat u ffukat sewwa u konness permezz tal-kollaborazzjoni ta’ kull ġog, skont l-enerġija propja ta’ kull membru, jirċievi qawwa biex jikber b’mod li jibni lilu nnifsu fil-karità” (Ef 4, 15-16).

Bħala ras tal-Knisja, Kristu huwa l-bidu u s-sors ta’ koeżjoni bejn il-membri kollha tal-ġisem (cf. Kol 2, 19). Huwa il-bidu u s-sors tal-kobor fl-Ispirtu: minnu l-ġisem kollu “jirċievi qawwa biex jikber b’mod li jibni lilu nnifsu fil-karità” (Ef4, 16). Minn hawn l-eżortazzjoni tal-Appostlu biex ngħixu “skont il-verità u l-karità” (Ef 4, 15). Il-kobor spiritwali tal-ġisem tal-Knisja u tal-membri ndividwali tagħha huwa kobor “minn Kristu” (il-bidu) u fl-istess ħin “lejn Kristu” (it-tmiem). Dan jgħidu l-Appostlu, meta jtemm l-eżortazzjoni tiegħu f’dawn it-termini: “Waqt li ngħixu skont il-verità fil-karità, infittxu li nikbru f’kull ħaġa lejh, li huwa r-ras, Kristu” (Ef 4, 15).

7. Irridu bkomplu nżidu li d-duttrina tal-Knisja bħala ġisem Kristu-ras għandha kollegament strett mal-Ewkaristija. L-Appostlu infatti jistaqsi: “Il-kalċi tal-barka, li aħna nbierku, mhuwiex jewwilla komunjoni mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż, li aħna naqsmu, mhuwiex jewwilla komunjoni mal-ġisem ta’ Kristu?” (1 Kor 10, 16). Dan huwa ovvjament tal-Ġisem personali ta’ Kristu li aħna nirċievu b’mod sagramentali fl-Ewkaristija taħt l-ispeċi tal-ħobż. Imma waqt li jkompli d-diskors tiegħu San Pawl iwieġeb għad-domanda magħmula: “Ladarba hemm ħobż wieħed, aħna minkejja li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: infatti ilkoll nieħdu sehem mill-uniku ħobż” (1 Kor 10, 17). U dan il-“ġisem wieħed huma l-membri kollha tal-Knisja, magħqudin b’mod spiritwali mar-Ras li għadna kif identifikajna bi Kristu personalment.

L-Ewkaristija, bħala sagrament tal-Ġisem u tad-Demm personali ta’ Kristu, tifforma l-Knisja li hija l-ġisem soċjali ta’ Kristu fl-unità tal-membri kollha tal-komunità ekkleżjali. Ejjew għalissa nikkuntentaw ruħna b’dan id-dewqien ta’ verità nisranija tal-għaġeb, li dwarha għad irridu nerġgħu naqbdu id-diskors, meta – jekk Alla jrid – nittrattaw l-Ewkaristija.

Miġjub mit-Taljan għall-Mlti minn Emanuel Zarb