Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 07/08/1991.
1. Ir-rivelazzjoni tal-pjan etern ta’ Alla dwar il-komunità universali tal-bnedmin, imsejħa biex ikunu – fi Kristu – wliedu addottivi.
Diġa kellha l-preludji tagħha fit-Testment il-Qadim, l-ewwel fażi tal-kelma divina lill-bnedmin u l-ewwel parti, għalina l-insara, tal-Iskrittura Mqaddsa. Għalhekk il-katekeżi dwar il-ġenesi storika tal-Knisja trid qabel xejn tfittex fil-kotba sagri, li għandna komuni ma’ Iżrael l-antik, it-tħabbir bil-quddiem tal-poplu futur ta’ Alla. L-istess Konċilju Vatikan II jindikalna din it-triq x’insegwu, meta jikteb li l-Knisja Mqaddsa, li fiha l-Missier iddeċieda li jiġbor lil dawk li jemmnu fi Kristu, kienet imħejjija b’mod meraviljuż fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael u fil-Patt il-Qadim” (Lumen Gentium, 2). Se naraw mela fil-katekeżi preżenti kif fit-Testment il-Qadim il-pjan etern tal-Missier iġagħalna nagħrfuh qabel xejn bħala rivelazzjoni ta’ “Saltna ta’ Alla” futura, li sseħħ fil-fażi messjanika u eskatoloġika tal-ekonomija tal-fidwa.
2. “Il-Mulej isaltan fuqkom”, naqraw fil-Ktieb tal-Imħallfin (Imħ 8, 23). Dan huwa l-kliem ta’ Gedeon li, rebbieħ fuq il-Medjaniti, jindirizza lil dik il-parti ta’ abitanti Iżraeliti, fir-reġġjun ta’ Sikem, li kienu riduh bħala sultan u saħansitra bħala fundatur ta’ dinastija (cf. Imħ 8, 22). Dik it-tweġiba ta’ Gedeon, bir-rifjut tar-reġalità, hija ta’ min iqabbilha mal-kurrenti antimonarkiċi ta’ parti oħra tal-poplu (cf. 1 Sam 8, 4-20); imma hija dejjem elokwenti bħala espressjoni tal-ħsieb tiegħu u ta’ parti sewwa ta’ Iżrael dwar ir-regalità ta’ Alla biss: “Jien ma nsaltanx fuqkom inqas ibni ma jsaltan; il-Mulej isaltan fuqkom” (Imħ 8, 23).
It-tendenza doppja nsibuha wkoll wara fl-istorja ta’ Iżrael, fejn ma jonqsux gruppi mixtieqa minn renju f’sens politiku terren. Wara t-tentattiv tal-istess ulied ta’ Gedeon (cf. Imħ 9, 1ss), nafu minn l-ewwel ktieb ta’ Samwel li l-anzjani ta’ Iżrael kienu daru fuq l-imħallef issa xiħ bit-talba: “Tina sultan biex imexxina” (1 Sam 8, 6). Samwel kien ħatar lil uliedu bħala mħallfin, li però kienu abbużaw mill-poter li kienu rċivew (cf. 1 Sam 8, 1-3). Imma Samwel tnikket minħabba speċjalment li ra f’dik it-talba tentattiv ieħor biex titneħħa lil Alla l-esklussività tar-regalità fuq Iżrael. Għalhekk dar lejn Alla biex fit-talb jikkonsultah. U skont il-ktieb ikkwotat, “Il-Mulej wieġeb lil Samwel: “Ismà leħen il-poplu dwar dak li qalulek, għaliex dawn ma ċaħdux lilek, imma ċaħdu lili, sabiex jien ma nsaltanx iktar fuqhom”” (1 Sam 8, 7). Probabilment sab ruħu quddiem każ ġdid ta’ konfront bejn iż-żewġ tendenzi – monarkija u antimonarkija – ta’ dak il-perjodu ta’ formazzjoni ta’ Iżrael bħala poplu magħqud u ffurmat ukoll politikament. Imma huwa nteressanti l-isforz, li parti minnu rnexxiet, li Samwel, mhux iktar imħallef imma profeta, jagħmel biex jirrikonċilja t-talba ta’ monarkija profana mal-esiġenzi tar-regalità assoluta ta’ Alla, li dwarha talinqas parti mill-poplu kienet insiet: huwa jħeġġeġ lis-slaten mogħtija lill-Iżrael, bħala ġest tal-funzjoni reliġjuża tagħhom, barra minn dik politika. David ikun is-sultan emblematiku ta’ din il-konċiljazzjoni ta’ aspetti u ta’ rwoli, u anzi minħabba l-personalità kbira tiegħu isir il-midluk per eċċellenza, figura tal-Messija futur u tas-Sultan tal-poplu l-ġdid, Ġesù Kristu.
3. Iżda hemm bżonn ninnutaw din l-intersezzjoni ta’ dawn iż-żewġ dimensjonijiet tas-saltna; id-dimensjoni temporali u politika, u d-dimensjoni traxxindentali u reliġjuża, li diġa nsibuha fit-Testment il-Qadim. L-Alla ta’ Iżrael huwa Sultan f’sens reliġjuż, ukoll meta dawk li jmexxu l-poplu f’ismu huma kapijiet politiċi. Il-ħsieb ta’ Alla bħala Sultan u Mulej ta’ kull ħaġa minħabba li huwa Ħallieq, jispikka fil-kotba sagri, kemm f’dawk storiċi, kif ukoll fil-profeti u fis-salmi. Hekk fil-profeta Ġeremija Alla jissejjaħ bosta drabi bħala “is-Sultan, li ismu huwa Alla tal-Eżercti” (Ġer 46, 18; 48, 15; 51, 57); u diversi Salmi jxandru li “il-Mulej isaltan” (Sal 93, 1; 96, 10; 97, 1; 99, 1). Din ir-regalità traxxendentali u universali kellha l-ewwel espressjoni tagħha fil-Patt ma’ Iżrael: veru att kostituttiv tal-identità propja u oriġinali ta’ dan il-poplu, li Alla għażel u li miegħu wettaq allejanza. Bħal ma naqraw fil-ktieb tal-Esodu: “Issa, jekk trid tismà leħni u tgħasses l-allejanza tiegħi, inti tkun għalija l-propjetà fost il-popli kollha, għaliex tiegħi hija l-art kollha! Int tkun għalija saltna ta’ qassisin u nazzjon qaddis”” (Es 19, 5-6).
Tali appartenenza ta’ Iżrael lil Alla, bħala poplu tiegħu, tesiġi minnu ubbidjenza u mħabba f’sens assolut: “Int tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dt 6, 5). Dan il-kmandament ewlieni u suprem jirrapreżenta l-prinċioju kostituzzjonali veru tal-Patt il-qadim. B’dan il-kmandament jiġu definiti d-destin u l-vokazzjoni ta’ Iżrael.
4. Iżrael jaf dan u jgħix r-rapport tiegħu ma’ Alla bħala forma ta’ sottomissjoni lejn il-propju Sultan. Bħal ma naqraw fis-Salm 47: “Il-muntanja Sion . . . hija l-belt tas-Sultan il-kbir” (Sal 48, 3). Ukoll meta Jahvè jaċċetta l-istituzzjoni f’Iżrael tas-sultan u tad-dinastija f’sens politiku, Iżrael jaf li tali istituzzjoni tippriserva karattru tejokratiku. Permezz ta’ ispirazzjoni divina il-profeta Samwel jaħtar bħala sultan l-ewwel lil Sawl (cf. 1 Sam 10, 24), u mbagħad lil David (cf. 1 Sam 16, 12-13), li minnu tibda d-dinastija davidika. Kif nafu mill-kotba tat-Testment il-Qadim, is-slaten ta’ Iżrael, u imbagħad ta’ Ġuda, bosta drabi kisru l-kmandamenti, li kienu l-prinċipji-bażi tal-Patt ma’ Alla. Kontra dawn l-abbużi ta’ poter kienu jintervienu l-profeti bit-twissijiet tagħhom u biċ-ċanfir tagħhom. Jidher ċar minn dik l-istorja li bejn is-saltna f’sens terren u politiku u l-esiġenzi tat-tmexxija ta’ Alla kien hemm diverġenzi u kuntrasti. Wieħed allura jispjega li jekk Jahvè” jżomm il-fedeltà tiegħu fir-rigward tal-wegħdiet magħmulin lil David u lis-suċċessuri tiegħu (cf.2 Sam 7, 12), l-istorja tiddeskrivi fatti ta’ konfoffi biex jimponu ruħhom “fuq is-saltna ta’ Alla li tinsab f’idejn ulied David” (cf. 2 Kr 13, 8). Dan huwa kuntrast li fih joħrog dejjem aħjar is-sens messjaniku tal-wegħdiet divini.
5. Infatti, kważi b’rejazzjoni għad-delużjonijiet għas-slaten politiċi, titqawwa f’Iżrael it-tama ta’ sultan messjaniku, bħala sovran ideali, li dwaru naqraw fil-profeti, b’mod speċjali f’Iżaija, li “kbir ikun id-dominju tiegħu u l-paċi ma jkollux tmiem fuq it-tron ta’ David u fuq is-saltna, li huwa jiġi biex isaħħaħ u jqawwi bid-dritt u bil-ġustizzja, issa u dejjem” (Iż 9, 6). Iżaija, jitlajja fil-previżjonijiet ta’ dak is-sovran, li lilu jagħti l-ismijiet ta’ “Kunsillier tal-għaġeb, Alla qawwi, Missier għal dejjem, Prinċep tal-paċi” (Iż 9, 5), u jiddeskrivi s-saltna tiegħu bħala utopja ta’ ġenna tal-art: “Strixxa ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja, ċinturin ta’ qaddu il-fedeltà. Il-lupu jgħammar flimkien mal-ħaruf, il-pantera timtedd maġemb il-gidi . . .Ma jaġixxux iktar b’mod mhux skjett u linqas ma jissakkeġġjaw . . . għaliex l-għerf tal-Mulej jimla l-pajjiż bħal ma l-ilma jimla l-baħar” (Iż 11, 5-6.9). Dawn huma metafori ntenzjonati biex joħorġu l-element essenzjali tal-profeziji dwar is-saltna messjanika: Patt ġdid li fih Alla jorbot miegħu l-bniedem b’mod benefiku u feddej.
6. Wara l-perijodu tal-eżilju u tal-iskjavità Babiloniżi, il-viżjoni ta’ sultan “messjaniku” tassumi iktar b’mod nett is-sens ta’ regalità diretta ta’ Alla. Kważi biex tissupera d-delużjonijiet kollha li l-poplu rċieva mingħand s-slaten politiċi, it-tama ta’ Iżrael, mitmugħa mill-profeti, iddur fuq saltna li fiha s-sultan huwa Alla nnifsu. Din se tkun Saltna universali: “Il-Mulej se jkun sultan tal-art kollha u se jkun hemm il-Mulej biss, u ismu biss” (Żk 14, 9). Ukoll fl-universalità dik is-saltna se żżomm l-irbit ma’ Ġerusalem. Bħal ma jipprevedi Iżaija: “Il-Mulej tal-eżerċti jsaltan fuq il-muntanja Sion u f’Ġerusalem” (Iż 24, 23). “Se jħejji fuq din il-muntanja festin ta’ xorb qawwi, ikel bnin, u imbejjed raffinati” (Iż 25, 6). Ukoll hawn, kif wieħed jistà jara, metafori ta’ ferħ ġdid fit-twettiq ta’ tamiet qodma.
7. Id-dimensjoni eskatoloġika tas-saltna ta’ Alla taċċentwa ruħha kull ma jmur iktar ma joqrob iż-żmien tal-miġja ta’ Kristu. B’mod speċjali l- ktieb ta’ Danjel, fil-viżjonijiet li jiddeskrivi, jiffoka fuq dan is-sens tal-età futura. Hekk naqraw: “Waqt li mill-ġdid inħares lejn il-viżjonijiet notturni, hawn hi tidher, fuq is-sħab tas-sema, xbiha ta’ iben ta’ bniedem; wasal sax-xwejjaħ u kien ippreżentat lilu, li tah poter, glorja u saltna; il-popli, il-ġnus u l-lingwi kollha jaqduh, il-poter tiegħu huwa poter etern, li qatt ma jinżel, u s-saltna tiegħu hija tali li qatt ma tkun meqruda” (Dn 7, 13-14).
Mela skont Danjel dik is-saltna futura hija marbuta b’mod strett ma’ Persuna, li tiġi ppreżentata bħala xbiha ta’ “iben ta’ bniedem”; din hija l-oriġni tat-titlu li l-istess Ġesù jattribwixxi lilu nnifsu. Fl-istess ħin Danjel jikteb li “is-saltna, il-poter u l-kobor tas-saltniet kollha li jinsabu taħt il-kappa tax-xemx se jkunu mogħtija lill-poplu tal-qaddisin tal-Iktar Għoli” (Dn 7, 27). Test li jġegħelna niftakru lill-ieħor tal-Ktieb tal-Għerf, li skontu “il-ġusti… għad imexxu l-ġnus, ikollhom il-poter fuq il-popli u l-Mulej għad isaltan dejjem fuqhom” (Għerf 3, 1.8).
8. Dawn huma kollha ħarsiet dwar il-futur, toqob wiesgħa fuq il-misteru li lejh qiegħda tersaq l-istorja tal-Patt antik, li donnu kull maa jmur qed jimmatura għall-miġja tal-Messija, li se jwettaq it-twettiq. ‘Il hemm mill-enigmi, tal-ħolm, tal-viżjonijiet, qiegħed jieħu forma dejjem iktar “misteru”, li lejh tindika kull tama ukoll fis-sigħat l-iktar mudlama tat-telfa u saħansitra tal-iskjavitù u tal-eżilju.
Dak li l-iktar iqanqal interess u ammirazzjoni, f’dawk it-testi, hija li t-tama tas-Saltna ta’ Alla tiċċara u tippurifika ruħha dejjem iktar lejn saltnar dirett tal-Alla traxxendentali. Aħna nafu li tali saltna, inkluża l-persuna tal-Messija u tal-moltitudni ta’ dawk li jemmnu fih, mistenni mill-profeti, sabet fuq l-art twettiq inizjali imperfett fid-dimensjonijiet storiċi tagħha, imma f’tensjoni kontinwa lejn twettiq sħiħ u definittiv fl-eternità divina. Lejn tali milja finali timxi l-Knisja tal-Patt il-ġdid, li minnha huma msejħa jagħmlu parti l-bnedmin kollha. Bħala wlied Alla, werrieta tas-saltna u kollaboraturi tal-Knisja mwaqqfa minn Kristu fit-twettiq tal-profeziji u tal-wegħdiet antiki. Il-bnedmin mela huma msejħin biex jipparteċipaw f’din is-Saltna, li hija ddestrinata għalihom u f’ċertu sens titwettaq ukoll permezz tagħhom: mela wkoll tagħna lkoll, imsejħin biex inkunu awturi tal-bini tal-ġisem ta’ Kristu (cf. Ef 4, 12). Din hija missjoni kbira!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb