6. Is-Saltna ta’ Alla, Is-Saltna ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 04/09/1991.

1. Naqraw fil-Kostituzzjoni Lumen gentium Tal-Konċilju Vatikan II li “dawk li jemmnu fi Kristu (Alla) ried isejħilhom fil-Knisja Qaddisa, li . . . imħejjija fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael u fil-Patt il-qadim . . . kienet murija bit-tiswib tal-Ispirtu (Santu)” (Lumen Gentium, 2).

Għal din it-tħejjija tal-Knisja fil-Patt il-qadim iddedikajna l-katekeżi preċedenti, li fiha rajna li, fil-kuxjenza progressiva li Iżrael kien jieħu tal-pjan ta’ Alla permezz tar-rivelazzjonijiet tal-profeti u tal-fatti nfushom tal-istorja tiegħu, kien dejjem iktar jagħmel ċar il-kunċett ta’ saltna ta’ Alla futura, ferm iktar għolja u universali minn kull previżjoni dwar ix-xorti tad-dinastija davidika. Illum ngħaddu għall-konsiderazzjoni ta’ fatt ieħor storiku, imfawwar b’sinifikat tejoloġiku: Ġesù Kristu jagħti bidu għall-missjoni messjanika tiegħu bl-aħbar: “Iż-żmien huwa mitmum u s-saltna ta’ Alla hi fil-qrib” (Mk 1, 15). Dan il-kliem jindika d-dħul “fil-milja taż-żmien” bħal ma jgħid San Pawl (cf. Gal 4, 4), u jħejji l-passaġġ għall-Patt il-Ġdid, imsejjes fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni feddejja tal-Iben u ddestinat li jkun Patt etern. Fil-ħajja u fil-missjoni ta’ Ġes Kristu is-saltna ta’ Alla mhux biss hija “qrib” (Lq 10, 9), imma hija diġa preżenti fid-dinja, diġa taġixxi fl-istorja tal-bniedem. Dan jgħidu Ġesù nnifsu: “Is-saltna ta’ Alla hija f’nofskom” (Lq 17, 21).

2. Id-differenza fil-livell u fil-kwalità bejn iż-żmien tat-tħejjija u dak tat-twettiq – bejn il-Patt il-qadim u l-ġdid – ġiet mgħarrfa lilna minn Ġesù nnifsu meta, waqt li tkellem dwar il-prekursur tiegħu Ġwanni l-Battista, imur jesprimi ruħu b’dan il-mod: “Fis-sewwa ngħidilkom: fost l-imwielda mill-mara qatt ma qam wieħed ikbar minn Ġwanni l-Battista; bdanakollu l-iżgħar wieħed fis-saltna tas-smewwiet huwa ikbar minnu” (Mt 11, 11). Ġwanni minn xtut il-Gordan (u minn ġewwa l-ħabs). Bla dubju ta’ xejn ikkontribwixxa iktar minn kull ieħor, ukoll iktar mill-profeti antiki (cf. Lq 7, 26-27), għat-tħejjija mmedjata tat-toroq tal-Messija. Bdanakollu huwa jibqà f’ċertu sens fuq l-għatba tas-saltna l-ġdida, minħabba li daħal fid-dinja mal-miġja ta’ Kristu u fil-proċess tal-manifestazzjoni bil-ministeru messjaniku tiegħu. Permezz ta’ Kristu biss il-bnedmin isiru l-veri “wlied Alla”: jiġifieri tas-saltna l-ġdida ferm superjuri għal dik li l-Lhud kontemporanji kienu jħossu lilhom infushom il-werrieta naturali (cf. Mt 8, 12).

3. Is-saltna l-ġdida għandha karattru prinċipakment spiritwali. Biex tidħol hemm wieħed jeħtieġ li jikkonverti u jemmen fil-Vanġelu, jeħles lilu nnifsu mill-qawwiet tal-ispirtu tad-dlamijiet, waqt li jissottometti ruħu għall-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla li Kristu jwassal lill-bnedmin. Bħal ma jgħid Ġesù: “Jekk jien inkeċċi x-Xjaten bis-saħħa tal-Ispirtu Santu, allura bla ebda dubju li waslet fostkom is-saltna ta’ Alla” (Mt 12, 28; cf. Lq 11, 20).

In-natura spiritwali u traxxendentali ta’ din is-saltna hija espressa wkoll fil-lingwistika ekwivalenti li nsibu fit-testi evanġeliċi: “Saltna tas-smewwiet”. Xbiha stupenda li tħallina nilmħu bil-quddiem l-oriġni u t-tmiem tas-saltna – “is-smewwiet” – u l-istess dinjità divino-umana ta’ Dak li fih is-Saltna tas-sema tikkonkretizza ruħha b’mod storiku fl-Inkarnazzjoni: Kristu.

4. Din it-traxxendenza tas-Saltna ta’ Alla hija mogħtija mill-fatt li hi għandha oriġni mhux minn inizjattiva umana biss imma mill-pjan, mid-disinn u mir-rieda ta’ Alla nnifsu. Ġesù Kristu, li jirrendiha preżenti u jattwaha fid-dinja, mhuwiex biss wieħed mill-profeti mibgħutin minn Alla, imma l-Iben konsustanzjali għall-Missier, li sar bniedem bl-Inkarnazzjoni. Is-Saltna ta’ Alla hija mela s-saltna tal-Missier u ta’ Ibnu. Is-Saltna ta’ Alla hija s-Saltna ta’ Kristu: hija s-saltna tas-smewwiet li nfetħu fuq l-art biex jippermettu lill-bnedmin jidħlu f’din id-dinja ġdida ta’ spiritwalità u ta’ eternità. Ġesù jiddikjara: “Kollox ġie mogħti lili minn Missieri . . . u ħadda ma jaf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jirrivelahulu” (Mt 11, 27). “Infatti bħal ma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ippermetta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu; u ngħatalu l-poter li jiġġudika, għaliex huwa Bin il-bniedem” (Ġw 5, 26-27).

Flimkien mal-Missier u mal-Iben, ukoll l-Ispirtu Santu jopera għall-attwazzjoni tas-Saltna diġa f’din id-dinja. Ġesù nnifsu rrivela dan: Bin il-bniedem “ikeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-Ispirtu ta’ Alla”, u minħabba f’dan “hija ħaġa ċerta li waslet fostkom is-saltna ta’ Alla” (Mt 12, 28).

5. Imma minkejja li tattwa u tiżviluppa ruħha f’din id-dinja, is-Saltna ta’ Alla għandha l-finalità tagħha fis-“smewwiet”. Traxxendentali fl-oriġni tagħha, hija wkoll hekk fit-tmiem tagħha, li tilħaq fl-eternità, bil-kundizzjoni li tkun fidila lejn Kristu fil-ħajja preżenti u tul il-passaġġ taż-żmien. Ġesù jwissina dan meta jgħid li, b’osservanza għall-poter tiegħu li “jiġġudika” (Ġw 5, 27), Bin il-bniedem jamar fi tmiem id-dinja li jiġbor “mis-saltna tiegħu l-iskandli”, jiġifieri l-inikwitajiet kollha mwettqa ukoll fl-isfera tas-saltna ta’ Kristu. U “allura – iżid Ġesù – il-ġusti jiddu bħax-xemx fis-saltna ta’ Missierhom” (Mt 13, 41.43). Dan ikun allura t-twettiq sħiħ u definittiv tas-“saltna tal-Missier”, lil min l-Iben irodd lura mill-ġdid il-magħżulin minnu salvati permezz tar-Redenzjoni u bl-opra tal-Ispirtu Santu. Allura s-saltna messjanika tirrivela l-identità tagħha mas-Saltna ta’ Alla (cf. Mt 25, 34; 1 Kor 15, 24).

Hemm mela ċiklu storiku tas-saltna ta’ Kristu, Verb inkarnat, imma l-alfa u l-omega ta’ din is-saltna, u anzi ta’ min jgħid il-fond li fih din tiftaħ, tgħix, tiżviluppa u tilħaq it-twettiq sħiħ tagħha, dan huwa l-“mysterium Trinitatis”. Diġa għidna, u nerġgħu naraw f’waqtu, li f’dan il-misteru jgħaddas għeruqu l-“mysterium Ecclesiae”.

6. Punt ta’ passaġġ u ta’ kollegament minn misteru għal ieħor huwa Kristu, li diġa fil-Patt il-qadim kien imħabbar u mistenni bħala Sultan-Messija li miegħu kienet tidentifika ruħha s-Saltna ta’ Alla. Fil-Patt il-ġdid Kristu jidentifika s-saltna ta’ Alla ma’ persuntu u mal-missjoni tiegħu. Infatti huwa mhux biss ixandar li, bih, is-saltna ta’ Alla hija fid-dinja, imma jgħallem biex “inħallu għas-saltna ta’ Alla” dak kollu li hu għażiż għall-bniedem (cf. Lq 18, 29-30) u, f’punt ieħor, biex inħallu dan kollu “għal ismu” (cf. Mt 19, 29), inkella “minħabba fija u minħabba l-Vanġelu” (Mk 10, 29).

Is-saltna ta’ Alla mela tidentifika ruħha mas-saltna ta’ Kristu. Din hija preżenti fih, u fih tattwa ruħha. U minnu tgħaddi, b’inizjattiva tiegħu stess, lill-Appostli, u permezz tagħhom lil dawk kollha li jemmnu fih: “Jien inħejji għalikom saltna, bħal ma l-Missier ħejjiha għalija” (Lq 22, 29). Din hija saltna li tikkonsisti f’espansjoni ta’ Kristu nnifsu fid-dinja, fl-istorja tal-bnedmin, bħala ħajja ġdida li tiġi mitmugħa minnu u li tiġi kkomunikata lil dawk kollha li jemmnu bis-saħħa tal-Ispirtu Santu –Paraklitu, mibgħut minnu (cf. Ġw 1, 16; 7, 38-39 15, 26; 16, 7).

7. Is-saltna messjanika, attwata minn Kristu fid-dinja. Tirrivela u tippreċiża b’mod definittiv is-sinifikat tagħha fil-kuntest tal-passjoni u l-mewt fuq is-salib. Diġa fid-dħul f’Ġerusalem iseħħ fatt, ippreġudikat minn Kristu, li Mattew jippreżenta bħala twettiq ta’ tbassir profetiku, dak ta’ Żakkarija dwar “sultan li jsuq ħmar, felu bin ħmara” (Zk 9, 9; Mt 21, 5). F’moħħ il-profeta, fil-ħsieb ta’ Ġesù u fl-interpretazzjoni tal-evanġelista, il-ħmar kien ifisser manswetudni u umiltà. Ġesù kien is-sultan manswet u umli li daħal fil-belt davidika, fejn bis-sagrifiċċju tiegħu kellu jwettaq il-profeziji rigward ir-regalità messjanika.

Din ir-regalità tiċċara ruħha sew waqt l-interrogatorju mġarrab minn Ġesù quddiem it-tribunal ta’ Pilatu. L-akkużi mressqa kontra Ġesù kienu “li kien qed ixewwex il-. . . poplu, kien qed ifixkel l-għoti tal-ħaraġ lil Ċesare u li kien qiegħed isostni li kien il-Kristu sultan” (Lq 23, 2). Għalhekk Pilatu jistaqsi lill-Imputat jekk hu kienx sultan. U hawn hi t-tweġiba ta’ Kristu: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja; li kieku s-saltna tiegħi kienet ta’ din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jissieltu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma s-saltna tiegħi mhix t’hawn isfel”. L-evanġelista jirrakkonta li “allura Pilatu qallu:- Mela inti sultan? – Wieġbu Ġesù: – Int qed tgħidu; jien sultan. Għal dan twelidt u għal dan jien ġejt fid-dinja; biex nixhed għall-verità, Kull min hu tal-verità, jismà leħni” (Ġw 18, 36-37).

8. Din hija dikjarazzjoni li tikkonkludi l-profezija antika kollha li tinfirex mal-istorja twila ta’ Iżrael u ssir fatt u rivelazzjoni fi Kristu. Il-kliem ta’ Ġesù iġegħluna naħtfu l-leħħ tad-dawl li jaħrat d-dell tal-misteru kkondensat fit-trinomju: Saltna ta’ Alla, Saltna messjanika, Poplu ta’ Alla msejjaħ fil-Knisja. Fuq din il-mogħdija ta’ dawl profetiku u messjaniku, nistgħu nifhmu aħjar u ntennu, b’fehim iktar ċar tal-kliem, it-talba mgħallma lilna minn Ġesù (Mt 6, 10): “Tiġi Saltnatek”. Din hija s-saltna tal-Missier, li daħal fid-dinja ma’ Kristu; din hija s-saltna messjanika li bl-opra tal-Ispirtu Santu tiżviluppa ruħha fil-bniedem u fid-dinja biex terġà titla fi ħdan il-Missier, fil-glorja tas-smewwiet.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: