7. Il-Knisja hija wkoll Fatt Storiku.


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 11/09/1991.

1. Imnissla u mixtieqa fil-pjan etern tal-Missier bħala saltna ta’ Alla u ta’ Ibnu l-Verb inkarnat Ġesù Kristu, il-Knisja tattwa ruħha fid-dinja bħala fatt storiku.

Mgħobbija bla ebda dubju ta’ xejn b’misteru u akkumpanjata minn mirakli fl-oriġni tagħha u wieħed jistà jgħid tul l-istorja tagħha kollha u li madankollu terġà tidħol fl-isfera tal-fatti stabbiliti, sperimentabbli, dokumentabbli.

Taħt dan l-aspett, il-Knisja tibda bil-grupp ta’ tnax-il dixxiplu li Ġesù nnifsu jagħżel minn fost il-moltitudni ta’ segwaċi tiegħu (cf. Mk 3, 13-19; Ġw 6, 70; At 1, 2) u li jiġu msejħa Appostli (cf. Mt 10, 1-5; Lq 6, 13). Ġesù jsejħilhom, jiffurmahom b’mod għal kollox partikolari u fl-aħħar jibgħathom fid-dinja bħala xhieda u ħabbara tal-messaġġ tiegħu, tal-Passjoni u l-Mewt tiegħu u tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu, u, fuq din il-bażi, fundaturi tal-Knisja bħala Saltna ta’ Alla, li madankollu għandha dejjem is-sies tagħha (cf. 1 Kor3, 11; Ef 2, 20) fih, Kristu.

Wara t-Tlugħ fis-sema, grupp ta’ dixxipli sab ruħu miġbur madwar l-Appostli u ma’ Marija fi stennija tal-Ispirtu Santu mwiegħed minn Ġesù. Verament quddiem il-“wegħda tal-Missier” imħabbra għal darb’oħra minn Ġesù, waqt li kienu qegħdin jieklu, wegħda li kienet tirrigwarda “magħmudija fl-Ispirtu Santu” (At 1, 4-5), huma staqsew lill-Imgħallem Irxoxt: “Mulej, huwa dan iż-żmien li fih se terġà tistabilixxi s-saltna ta’ Iżrael?” (At 1, 6). Evidentement kienu qegħdin jerġgħu jaġixxu fuq il-psikoloġija tagħhom it-tamiet ta’ saltna messjanika li kienet tikkonsisti fir-restawrazzjoni temporali tas-saltna davidika (cf. Mk 11, 10; Lq 1, 32-33), mistennija minn Iżrael. Ġesù kien skuraġġihom dwar din l-aspettattiva, u kien tennielhom il-wegħda: “ikollkom il-qawwa tal-Ispirtu Santu li se jinżel fuqkom u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalem, fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u sal-iktar truf imbegħda tal-art” (At 1, 8).

2. F’jum il-Pentekoste, li, minn festa primitiva tal-ħsad (cf. Es 23,16), għal Iżrael kienet saret ukoll festa tat-Tiġdid tal-Patt (cf. 2 Kr 15, 10-13), il-wegħda titwettaq bil-mod l-iktar magħruf; u taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu il-grupp tal-Appostli u tad-dixxipli jissoda ruħu, u madwarhom jinġabru l-ewwel ikkonvertiti tal-bxara tal-Appostli u b’mod speċjali ta’ Pietru. Hekk jibda t-tkabbir tal-ewwel Komunità nisranija (At 2, 41) u tiġi mwaqqfa l-Knisja ta’ Ġerusalem (cf. At 2, 42-47), li f’qasir żmien tikber u tinfirex ukoll fi bliet, reġġjuni u nazzjonijiet oħra – sa Ruma! – kemm bis-saħħa tad-dinanamiżmu ntern tagħhom stampat fihom mill-Ispirtu Santu, kif ukoll minħabba ċ-ċirkostanzi li jġegħlu lill-insara biex jaħarbu minn Ġerusalem u mill-Ġudea u jitferrxu f’diversi lokalitajiet, kif ukoll minħabba l-impenn li bih l-Appostli riedu jwettqu l-mandat ta’ Kristu dwar l-evanġelizzazzjoni universali.

Dan huwa l-fatt storiku tal-oriġni, deskritt minn Luqa fl-Atti tal-Appostli u kkonfermat mit-testi l-oħra nsara u mhumiex li jiddokumentaw it-tifrix tal-Kristjaneżmu u l-eżistenza ta’ Knejjes diversi fil-baċċin kollu tal-Mediterran – u iktar – lejn l-aħħar deċenni tal-ewwel seklu.

3. Fl-istruttura storika ta’ dan il-fatt, huwa miġbur l-element misterjuż tal-Knisja, li dwaru jitkellem il-Konċilju Vatikan II meta jikteb li “Kristu, biex iwettaq ir-rieda tal-Missier, inawgura fuq din l-art is-saltna tas-smewwiet u rrivelalna l-misteru tiegħU, u bl-ubbidjenza tiegħu opera l-fidwa. Il-Knisja, jew aħjar is-saltna ta’ Kristu diġa preżenti fil-misteru, permezz ta’ Alla tikber fid-dinja b’mod viżibbli” (Lumen Gentium, 3). Dan il-kliem huwa s-sintesi tal-katekeżi preċedenti dwar il-bidu tas-saltna ta’ Alla fuq l-art, fi Kristu u bi Kristu, u fl-istess ħin jindika li l-Knisja hija msejħa minn Kristu għall-eżistenza, sabiex tali saltna ddum u tiżviluppa ruħha fiha u biha tul il-korsa tal-istorja tal-bniedem fid-dinja.

Ġesù Kristu, li sa mill-bidu tal-missjoni messjanika tiegħu kien ixandar il-konverżjoni kien isejjaħ għall-fidi: “Ikkonvertu u emmnu fil-Vanġelu” (Mk 1, 15), afda lill-Appostli u lill-Knisja d-dmir li jiġbru lill-bnedmin fl-għaqda ta’ din il-fidi, waqt li jistednuhom biex jidħlu fil-komunità tal-fidi mwaqqfa minnu.

4. Il-Komunità tal-fidi hija fl-istess ħin komunità ta’ fidwa. Ġesù kien tenna tant drabi: “Bin il-bniedem ġie biex ifittex u biex isalva dak li kien mitluf” (Lq 19, 10). Kien jaf u kien iddikjara sa mill-bidu li l-missjoni tiegħu kienet dik li “jħabbar lill-fqajrin messaġġ ta’ ferħ, jipproklama lill-kalzrati l-libertà u lill-għomja d-dawl” (cf. Lq 4, 18). Kien jaf u kien jiddikjara li hu kien mibgħut mill-Missier bħala feddej (cf. Ġw 3, 17; 12, 47). Minn hawn kienet tiġi l-urġenza partikolari tiegħu għall-foqra u għall-midimbin.

Konsegwentement ukoll il-Knisja kellha tinbet u tiżviluppa bħala komunità ta’ fidwa. Dan jenfasizzah il-Konċilju Vatikan II fid-digriet Ad gentes: “Issa dak kollu li l-Mulej kien ippridka jew li fih kienet imwettqa l-fidwa tal-ġeneru uman, għandu jkun imħabbar u mxerred sa trufijiet l-art, jibda minn Ġerusalem. B’dan il-mod dak kollu li darba kien tħaddem għall-fidwa komuni, jitwettaq għal kollox f’kulħadd tul il-korsa tas-sekli” (Ad gentes, 3). Minn din l-esiġenza tal-espansjoni tal-fidwa, espressa mill-Vanġelu u mill-Atti tal-Appostli, joħorġu l-missjoni u l-missjonijiet tal-Knisja fid-dinja kollha kemm hi.

5. L-Atti tal-Appostli jiċċertifikawlna li fl-ewwel Knisja, il-komunità ta’ Ġerusalem, kienet tiffjorixxi ħajja ta’ talb, u li l-insara kienu jinġabru għall-“qsim tal-ħobż” (At 2, 42ss): kelma li fil-lingwaġġ nisrani kellha s-sens ta’ rit inizjali ewkaristiku (cf. 1 Kor 10, 16; 11, 24; Lq 22, 19).

Infatti Ġesù ried li l-Knisja tiegħu tkun komunità tal-kult ta’ Alla fi spirtu u verità. Dan kien is-sinifikat il-ġdid tal-kult minnu mgħallem: “Wasal il-waqt, u huwa dan, li fih il-veri adoraturi jaduraw lill-Missier fi spirtu u verità: għaliex il-Missier ifittex tali adoraturi” (Ġw 4, 23). Dan Ġesù kien qalu fid-djalogu mas-Sammaritana. Imma tali kult fi spirtu u verità ma kienx jeskludi l-aspett viżibbli, mela ma kienx jeskludi s-sinjali u r-riti liturġiċi, li għalihom l-ewwel insara kienu jiltaqgħu kemm fit-Tempju (cf. At2, 46), kemm fid-djar (cf. At 2, 46; 12, 12). Ġesù stess, waqt li kien jitkellem ma’ Nikodemu, kien implika għar-rit tal-magħmudija: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlek; jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u mill-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla” (Ġw 3, 5). Dan kien l-ewwel sagrament tal-komunità l-ġdida, li fih kien isseħħ it-twelid mill-ġdid mill-Ispirtu Santu u d-dħul fis-saltna ta’ Alla, issinifikata mir-rit viżibbli tal-ħasil bl-ilma (cf. At 2, 38.41).

6. Il-waqt kulminanti tal-kult il-ġdid – fl-ispirtu u l-verità – kienet l-Ewkaristija. L-istituzzjoni ta’ dan is-Sagrament kienet il-punt ewlieni fil-formazzjoni tal-Knisja. F’relazzjoni mal-festin paskwali ta’ Iżrael, Ġesù kien nissilha u attwaha bħala festin, li fiha huwa rregala lilu nnifsu taħt l-ispeċi ta ikel u xorb: ħobż u mbid, sinjali tal-qsim ta’ ħajtu divina – ħajja eterna – mal-parteċipanti fil-festin. San Pawl jesprimi tajjeb dan l-aspett ekkleżjali tas-sehem fl-Ewkaristija, meta jikteb lill-Korintin: “Il-ħobż li aħna naqsmu mhuwiex jewwilla komunjoni mal-ġisem ta’ Kristu?La darba hemm ħobż wieħed, aħna, minkejja li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: ilkoll infatti nieħdu sehem mill-ħobż uniku” (1 Kor 10, 16-17).

Sa mill-oriġni l-Knisja fehmet li l-istituzzjoni tas-sagrament li seħħet fl-aħħar Ċena kienet tfisser l-introduzzjoni tal-insara fil-qalb stess tas-saltna ta’ Alla, li Kristu bl-inkarnazzjoni feddejja tiegħu kien beda u stabilizza fl-istorja tal-bniedem. L-insara kienu jafu sa mill-bidu li din is-saltna tibqà fil-Knisja, b’mod partikolari permezz tal-Ewkaristija. U din – bħala sagrament tal-Knisja – kienet u hi wkoll l-espressjoni kulminanti ta’ dak il-kult fl-ispirtu u l-verità, li dwaru Ġesù kien tkellem fid-djalogu tiegħu mas-Sammaritana. Fl-istess ħin l-Ewkaristija-Sagrament kienet u hi rit li Ġesù kien waqqaf sabiex ikun iċċelebrat mill-Knisja. Infatti huwa kien qal fl-aħħar Ċena: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22, 19; cf.1 Kor 11, 24-25). Dan huwa kliem migħud lejlet il-passjoni u l-mewt fuq is-salib, fil-kuntest ta’ diskors lill-Appostli li miegħu Ġesù għallimhom u ħejjiehom għas-sagrifiċċju tiegħu. Huma kienu fehmuhom f’dan is-sens. Il-Knisja ħadet id-duttrina u l-prattika tal-Ewkaristija bħala tiġdid bla tixrid ta’ demm tas-sagrifiċċju tas-salib. Dan l-aspett fundamentali tas-sagrament ewkaristiku kien espress minn San Tumas D’Aquino fil-famuża antifona: “O Sacrum Convivium, in quo Christus sumitur, recolitur memoria passionis eius”; waqt li żied dak li l-Ewkaristija tipproduċi fil-parteċipanti fil-festin, skont il-bxara ta’ Ġesù rigward il-ħajja eterna: “mens impletur gratia, et futurae gloriae nobis pignus datur” . . .

7. Il-Konċilju Vatikan II hekk imur jiġbor fil-qosor id-Duttrina tal-Knisja dwar dan il-punt: “Kull darba li s-sagrifiċċju tas-salib, li bih Kristu, il-ħaruf paskwali tagħna, kien issagrifikat (1 Kor 5, 7), jiġi ċċelebrat fuq l-altar, tiġġedded l-opra tar-redenzjoni tagħna. U fl-istess ħin, mas-sagrament tal-ħobż ewkaristiku, tiġi rappreżentata u effettwata l-għaqda tal-fidili, li jikkostitwixxu ġisem wieħed fi Kristu (cf. 1 Kor 10, 17)” (Lumen Gentium, 3).

Skont il-Konċilju, l-aħħar Ċena huwa l-waqt li fih Kristu, waqt li antiċipa l-mewt fuq is-salib u l-qawmien mill-imwiet, ta bidu lill-Knisja: il-Knisja hija ġġenerata flimkien ma l-Ewkaristija, ġaladarba msejħa “għal din l-għaqda ma’ Kristu, li huwa d-dawl tad-dinja; minnu niġu, bih ngħixu, għandu aħna diretti” (Lumen Gentium, 3). Kristu huwa tali b’mod speċjali fis-sagrifiċċju feddej tiegħu. Huwa hu allura li jattwa għal kollox il-kliem migħud darba waħda: “Bin il-bniedem . . . ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mk 10, 45; Mt 20, 28). Jattwa allura l-pjan etern tal-Missier, li bih Kristu “kellu jmut . . . biex jgħaqqad flimkien lil ulied Alla li kienu mferrxin” (Ġw 11, 51-52). U allura l-Kristu fis-sagrifiċċju tas-salib huwa ċ-ċentru tal-għaqda tal-Knisja, bħal ma kien ħabbar: “Meta nkun mgħolli mill-art, niġbed lil kulħadd lejja” (Ġw 12, 32). Il-Kristu fis-sagrifiċċju tas-salib imġedded fuq l-altar jibqà ċ-ċentru ġeneratur permanenti tal-Knisja, li fiha l-bnedmin huma msejħin biex jieħdu sehem fil-ħajja eterna tiegħu biex jum wieħed jilħqu s-sehem fil-glorja eterna tiegħu. “Et futurae gloriae nobis pignus datur”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb