Attenti għat-taħbit tal-qalb


Fil-ktieb tiegħu Il Dono della Chiarezza, il-Papa Ġwann Pawlu I isemmi lil wieħed li mar jistad fix-xmara u qiegħed frawla sabiħa mas-sunnara tax-xlief tiegħu. U ħaseb: “La togħġob lili, il-frawla għandha togħġob ukoll lill-ħut!” Qisu ma jafx li l-ħut mhux il-frawli togħġbu imma l-ħniex u l-ġobon jinten, li dan ir-raġel lanqas biss ried imisshom. Il-ħut baqa’ għaddej minn ħdejn il-frawla, u r-raġel ma qabadx ħuta waħda!

L-istess is-saċerdot li, frisk wara l-ordinazzjoni u mimli entużjażmu, ried jaqsam man-nies tal-parroċċa dak kollu li tgħallem fis-snin twal tas-seminarju. Ġara li l-prietki tiegħu, imħejjija bir-reqqa u studjati mill-kotba, ma missewx il-moħħ u l-qalb tal-parruċċani. Kien għadu kmieni biex iħoss il-polz tan-nies. Ma kellux ħin biex iħallihom jesprimu dak li hemm ġo fihom. U meta kien hemm min xtaq jifhem aħjar, kien iwieġeb qabel ma jkun sema’ l-mistoqsija.

Tisma’ dak li hemm fil-qalb

Mhux faċli li wieħed ikollu d-dispożizzjoni li jisma’, imma jekk ma jkunx sema’ l-mistoqsija ma jistax jagħti tweġiba tajba. Ħafna drabi dan hu li jiġri fil-klassi tal-katekiżmu. Il-katekist, ippreparat tajjeb, jidħol fil-klassi mimli ħeġġa biex iwassal il-lezzjoni tiegħu, li jagħmilha bl-iktar mod interessanti billi jinqeda b’għodod dejjem ġodda ta’ teknoloġija. Imma jibqa’ ’l bogħod mit-tfal tal-klassi u ma jirnexxilux jasal għal dak li fassal b’tant teknika. Imur aħjar meta mbagħad iwarrab dak li jogħġob lilu u jibda jaħseb kif se jogħġob lit-tfal u jitkellem magħhom fuq dak li hu parti minn ħajjithom, fuq dak li jferraħhom jew jinkwetahom u fuq il-ħolm li jimla l-fantasija tagħhom. Jibda jismagħhom wieħed wieħed, anki meta ma jifhimhomx, u jkellimhom bil-lingwaġġ tagħhom.

Il-Papa Franġisku, meta jitkellem dwar ‘Il-Qaddisin fil-Bieb ta’ Maġenbna’, fl-eżortazzjoni tiegħu Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew), iġib bħala eżempju lil waħda omm li wara t-taħbit tagħha tal-ġurnata, binha jitlobha toqgħod tisimgħu jkellimha fuq il-fantasiji tiegħu u, mqar jekk tħossha għajjiena, tpoġġi bilqiegħda ħdejh tisimgħu b’sabar u mħabba.

1
Il-lezzjoni tal-katekiżmu (1890), Jules-Alexis Muenier (1863-1942)

Fil-ħajja soċjali, meta nkunu mal-oħrajn, faċli nintilfu nitkellmu fuq l-internet, il-Facebook, it-Twitter u x’naf jien. Ikun hemm min biex ma jħossux barra l-grupp jitħajjar jidħol hu wkoll fid-diskursata, imma jibqa’ lura għax iħossu li hu ta’ żmien ieħor. Ġieli l-kliem jaqa’ fuq l-istudju, l-università, il-masters u l-assignments. Hawn ukoll ikun qed iħossu mitluf għax ma jkun qed jifhem xejn. Iħossu aħjar jekk nitkellmu fuq xi passatemp li hu għal qalbu, jew fuq xi xogħol li kapaċi jagħmel. Hawn min mingħalih li d-dinja hi dak li jaf hu u li jinteressa lilu; lil min mhux fil-linja tiegħu ma jħallihx ifendi waħda. Kulħadd ikollu xi ħaġa li jixtieq jaqsamha mal-oħrajn. Li tisma’ lil ħaddieħor hi arti u hi fuq kollox karità.

Nistgħu nixbhu lil Marta

Xi drabi nkunu xi ftit bħal Marta tal-Vanġelu. Ikollna ideat u proġetti pastorali, ikollna ħeġġa biex dak kollu li tgħallimna u li nafu mill-kotba ngħadduh lill-oħrajn u li nagħtu pariri lil dawk li qed nakkumpanjaw fil-ħajja spiritwali. Niftħu l-bagalja li ġibna magħna, li fiha kollox f’postu, imma xejn ma nkunu ħsibna li l-interess tan-nies mhuwiex dak li għandna fil-bagalja tagħna. Li jinteressahom hu dak li jħossu li hu ta’ bżonn għalihom. Marija, oħt Marta, min-naħa l-oħra, qagħdet ħdejn Ġesù, tisimgħu. Hi laqgħet lil Ġesù li ġie jżur il-familja tagħhom u għamlet dan b’qalb miftuħa. Forsi bdiet tistaqsi: “X’għandu jgħidli dan il-Ħabib tal-famlja tagħna? X’inhu li se jistaqsini? Xi jrid fil-fond ta’ qalbu? U jien kif l-aħjar li nwieġbu?” Ix-xewqat ta’ Marija kienu differenti minn dawk ta’ Marta. U Ġesù għaraf x’hemm f’qalbha u sab il-kliem biex tkun komda tisimgħu u żgur li ssodisfa x-xewqat tagħha. Ġesù dejjem tkellem b’mod li jifhmu kulħadd, kemm jekk quddiemu kien hemm biss Marija, kif ukoll  jekk kien hemm folla kbira qed tisimgħu. Kien jaf imiss il-qalb ta’ kull persuna.

2
Marta u Marija, Vermier (1591-1675)

Dan jgħodd ukoll għar-relazzjoni tagħna ma’ nies li jidher li tbiegħdu minn Alla. Faċli li niġġeneralizzaw u nqiegħdu lil kulħadd f’qoffa waħda. Nilmentaw li n-nies mhumiex disposti biex jisimgħu dwar ħwejjeġ tar-ruħ u, agħar minn hekk, li m’għadhomx jemmnu. Imma Santu Wistin hu konvint li kull bniedem, bħalma jaspira għal ġid ieħor, jaspira wkoll għall-verità u li jagħraf ’l Alla. Santu Wistin kien jiddefinixxi lill-bniedem bħala l-esseri li jixtieq li jkun. U wara kollox jinduna li xejn u ħadd ma jista’ jissodisfalu din ix-xewqa ħlief Alla. Min qed iwassal l-Aħbar it-Tajba jrid jifhem x’hemm fil-qalb. Biex jagħmel dan, irid jisma’ b’attenzjoni. Irid jirrikonoxxi din ix-xewqa għal Alla li hemm fl-emozzjonijiet kif ukoll fil-passjonijiet tal-bniedem. Jista’ jkun hemm xewqat illeċiti jew dipendenza fuq xi ħaġa li wieħed ma jistax jirbaħha avolja jaf li mhix ta’ ġid għalih.

Il-missjoni ta’ min irid ikun ta’ ġid għall-oħrajn hi li qabel xejn jisma’ t-taħbit ta’ qalbhom. Irid jisma’ lil dawk li ġew għandu u jifhem li fost il-kliem, ix-xewqat u l-iżbalji tagħhom hemm ix-xewqa profonda għal Alla moħbija fil-fond ta’ qalbhom. Irid isib kif se jkabbar din ix-xewqa. Il-poeta Ġermaniż Hermann Hesse, l-awtur tar-rumanz Il-Logħba tal-Perli tal-Ħġieġ, li bih kien rebaħ il-Premju Nobel għal-letteratura u li ġie apprezzat mill-Papa Emeritu Benedittu XVI, jgħid li d-dmir tal-poeta hu li jqajjem ix-xewqa fl-oħrajn. Dak li jgħodd għall-poeta jgħodd ukoll għal min qed iħabbar il-kelma ta’ Alla. Biex jagħmel dan irid iħoss mal-persuna, biex isostni t-tajjeb li hemm fiha u jkebbes it-tama li teħtieġ.

Quddiem il-persuni nistaqsu: “Fuqiex huma mħassbin? X’inhu li qed jinkwieta lil ħajjithom u lill-għeżież tagħhom?” Irridu nkunu miftuħin għal dawk li qed jisimgħu il-parir tagħna. Nistaqsu: “Xi trid tgħidli din il-persuna? X’inhuma l-mistoqsijiet li hemm f’qalbha?” U kif naħseb li kien iwieġeb Ġesù għal dawn il-mistoqsijiet?

Fiduċja li tnissel ferħ fil-qalb

In-nies “kienu jistagħġbu bit-tagħlim tiegħu, għax kelmtu kienet bis-setgħa” (Lq 4, 32). Kliem Ġesù kien jimpressjona u jinftiehem għax ġej minn qalb li tagħder u li tħobb. Aktar milli jiddetta lin-nies x’għandhom jagħmlu, kien jistmahom ta’ persuni li huma u jgħinhom jagħrfu l-vera natura tagħhom u d-dinjità li għandhom bħala ħolqien ta’ Alla u wkoll xbieha tiegħu. Assigurahom bil-ferħ tiegħu: “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (Ġw 15,11) Qalilhom dan wara li sema’ x’hemm f’qalbhom, it-tbatija, in-niket, il-morr ta’ ħajjithom kif ukoll ix-xewqa profonda għall-ferħ u s-serħan tal-qalb. Stedinhom ukoll biex iwasslu lill-oħrajn il-ferħ li hemm ġo fihom.

In-nies jaqraw dak li hemm fil-qalb ta’ min iridilhom il-ġid. Hi l-vokazzjoni ta’ kull min hu msejjaħ biex inissel fiduċja f’dawk li qed jgħaddilhom l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu. Din il-fiduċja tidher meta, bla ma tkun tistenna, xi ħadd jgħidlek: “Ħa nserraħ ftit qalbi miegħek,… għax lilek nafdak!”

Minn Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.