Fil-5 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Bonifaċju, Isqof u Martri li għex bejn is-snin 673 sa 754.
San Bonifaċju, l-Appostlu tal-Ġermanja, twieled f’Devonshire, l-Ingilterra fis-sena 673, bl-isem ta’ Winfrid.
Ta’ seba’ snin beda l-edukazzjoni tiegħu għand il-Benedittini fil-monasteru ta’ Exeter, u ta’ erbatax, daħal mal-Benedittini ta’ kunvent qrib Exeter, u wara mar f’dak ta’ Nursling, qrib Winchester, fejn kien id-direttur tal-iskola, u kiteb l-ewwel grammatika Latina li qatt inkitbet fl-Ingilterra.
Sar saċerdot meta kellu 30 sena b’xewqa kbira li jmur missjunarju fil-Ġermanja. Qata’ xewqtu fis-sena 719, meta bil-Barka Appostolika tal-Papa Girgor II mar il-Ġermanja.
Inċident li ġara, għenu ħafna fil-konverżjoni tal-Ġermanja. Kien hemm siġra kbira f’Hessja, iddedikata lil wieħed mill-allat foloz, u n-nies kienu jmorru jagħmlu ċerimonji reliġjużi, jitolbu u joffru s-sagrifiċċji quddiemha. San Bonifaċju ddeċieda li jeqridha, u bil-għajnuna ta’ xi Nsara qaċċatha. Hu ħaseb li kien ser jinqala’ nkwiet kbir, u forsi anke jitlef ħajtu, iżda ġara l-kuntrarju għax tribù wara tribù bdew ġejjin għandu biex jikkonvertu, tant li kellu jitlob lis-Superjuri tiegħu biex jibagħtulu iżjed patrijiet u magħhom sorijiet biex jgħinuh.
Fis-sena 722, mar Ruma biex jagħti tagħrif dwar il-ħidma tiegħu, u qabel ma telaq lura lejn il-missjoni tiegħu, ġie kkonsagrat isqof mill-Papa San Girgor II, u bidel ismu f’Bonifazju (jagħmel tajjeb).
Fis-sena 748, il-Papa San Żakkarija ħatar lil Bonifaċju Arċisqof ta’ Mainze u Primat tal-Ġermanja.
Protett u megħjun mir-Re Karlu, imsejjaħ “il-Martell”, irnexxielu jikkonverti bosta pagani. Ma damux ma ngħaqdu miegħu bosta missjunarji ingliżi oħra. Bonifaċju waqqaf id-djoċesijiet ta’ Erfurt, Buraburg u Wurzburg, kif ukoll dik ta’ Eichstatt, waqt li hu baqa’ isqof ta’ Mainz.
Ippresieda fil-konċilji li saru fi Franza mis-sena 743 sas-sena 747 u l-Papa San Żakkarija ħatru Primat tal-Ġermanja. Kien Bonifaċju li nkuruna lir-Re Pepin, bin Karlu l-Martell fi Soissons. Imma Bonifaċju kellu jinkuruna l-ħajja appostolika tiegħu bil-martirju.
Fil-5 ta’ Ġunju 754, lejlet il-Pentekoste, meta kellu madwar 73 sena, peress li wara l-mewt ta’ San Willibrordu (ara San Willibrordu), xi nsara fl-Olanda kienu qed jerġgħu jsiru pagani, kien jinsab fl-Olanda biex jamministra l-Griżma tal-Isqof lil numru ta’ Nsara li kienu għadhom kemm ikkonvertew. Ġara li waqt li kien qed ilesti ruħu għaċ-ċerimonja grupp ta’ pagani qabżu fuqu u qatlu lilu flimkien ma’ San Eoban u xi ħamsin Nisrani li kienu preżenti, bid-daqqiet tax-xwabel f’Dokkum.
Il-fdal ta’ San Bonifaċju, l-“Appostlu tal-Ġermanja”, jinsab meqjum fl-Abbazija ta’ Fulda, l-iktar waħda importanti mill-Abbaziji kollha li Bonifaċju waqqaf fil-Ġermanja, fejn bosta mirakli seħħew fuq qabru.