Qari tal-Quddies ta’ San Ġakbu, appostlu (F)


Stampat-test tal-qari …

25 ta’ Lulju
Sant Ġakbu, Appostlu
Festa

QARI I
2 Kor 4: 7-15

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti: It-teżor tagħna qiegħed f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla u mhux minna.

Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex imgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna qegħdin dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù.

Għax aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f’Ġesù, biex ukoll il-ħajja ta’ Ġesù tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. U b’hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja. Imma billi aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi li fuqu hemm miktub, ‘Emmint, u għalhekk tkellimt,’ aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna, għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù, u jressaqna quddiemu flimkien magħkom. Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr, għall-glorja ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
125

R/. Min jiżra’ fid-dmugħ jaħsad bil-ferħ!

Meta l-Mulej reġġa lura l-imtarrfin ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u lsienna nħall b’għajjat ta’ ferħ. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna mtlejna bil-ferħ. R/.

Biddel, Mulej, xortina,
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bil-ferħ. R/.

Hu u sejjer, imur jibki,
iġorr iż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Imma hu u ġej lura, jiġi jgħajjat bil-ferħ,
bil-qatet f’idejh. R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
ara Ġw 15:16

R/. Hallelujah
Jien għażiltkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mt 20:20-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Resqet fuq Ġesù omm ulied Żebedew, flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa. “Xi trid?” staqsieha. U hi weġbitu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.”

Imma Ġesù wieġeb u qal: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom il-ħila tixorbuh il-kalċi li għandi nixrob jien?” “Għadna,” qalulu. “Il-kalċi tiegħi tixorbuh tassew,” qalilhom, “imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din mhix ħaġa tiegħi biex nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri.”

Il-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkorlaw għaż-żewġt aħwa. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, il-kapijiet tan-nazzjonijiet jaħkmu fuqhom, u l-kbarat iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom m’għandux ikun hekk; imma min fostkom irid ikun kbir, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem; hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.