22 ta’ Lulju
Santa Marija Maddalena
Festa
QARI I
Għan 3: 1-4a
Jew jista’ jinqara’ 2 Kor 5: 14-17
Qari mill-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet
Matul il-lejl fuq soddti jien fittixt lil dak li qalbi tħobb. Fittixtu: ma sibtux!
Ħa nqum, għalhekk, u mmur indur mal-belt, u fit-triqat u l-pjazez noqgħod infittex dak li qalbi tħobbu. Fittixtu: ma sibtux! Itaqgħu miegħi mbagħad in-nies tal-għassa, dawk li mal-belt iduru. Lil dak li qalbi tħobb rajtuh jewwilla? Bilkemm ilħaqt għaddejthom li jiena sibt lil dak li qalbi tħobbu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
62
R/. Għalik għatxana ruħi, Mulej, Alla tiegħi!
O Alla, int Alla tiegħi!
Għalik inbakkar jiena.
Għalik għatxana ruħi, ġismi qed inin għalik,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.
Irrid niġi naħseb fik fit-tempju,
biex nara s-setgħa tiegħek u l-glorja tiegħek.
Għax il-grazzja tiegħek aħjar mill-ħajja,
xofftejja jfaħħruk. R/.
Hekk inbierkek ħajti kollha,
u f’ismek nerfa’ idejja.
Bħalma jien nimtela b’ikel li jsemmen,
hekk fommi jgħanni b’xofftejn ferrieħa. R/.
Għax int kont għajnuna għalija;
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Ruħi miegħek tqabbad;
lili żżommni l-leminija tiegħek. R/.
AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
R/. Hallelujah
Għidilna, Marija, ħabbrilna: fit-triq ’il min rajt:
Jien rajt qabar Kristu li rxoxta fis-sebħ tal-qawmien.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ġw 20:1-11
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Jien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marjam ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Marjam baqgħet ’il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki tbaxxiet lejn il-qabar, u rat żewġ anġli libsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn qabel kien hemm il-ġisem ta’ Ġesù.
Huma qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda, tibki?” Hi wieġbet: “Għax ħadu ’l Sidi, u ma nafx fejn qegħduh.” Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù. Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħdha tfittex? Hi ħasbet li kien il-ġennien, u qaltlu: “Sidi, jekk neħħejtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.” Ġesù weġibha: “Marjam!” Hi daret u qaltlu: “Rabbuni!” (jiġifieri, Mgħallem). Ġesù qalilha: “Ħallini, għax għadni ma tlajtx għand Missieri; imma mur għand ħuti u għidilhom li sa nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” Marjam minn Magdala marret għand id-dixxipli tagħtihom l-aħbar: “Rajt il-Mulej u tani dil-bxara.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.