Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
QARI I
Forsi qatt ftaħret il-mannara kontra min iqaċċat biha?
Is 10, 5-7.13-16
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dan jgħid il-Mulej:
Gwaj għall-Assirja, il-ħatar ta’ għadbi
u l-għasluġ fil-qilla tiegħi!
Għall-poplu midgħi jien nibagħtu,
u kontra l-ġens tad-dagħdigħa tiegħi jien nordnalu,
li jħarbtu bla ħniena, jaħtaflu l-priża,
u jgħaffeġ fuqu bħat-tajn tal-art.
Imma hu ma jifhimhiex hekk,
u f’qalbu ma jidhirlux hekk:
għax f’qalbu għandu li jħarbat,
u jeqred ġnus fuq ġnus.
Għax hu qal:
“Bis-saħħa ta’ idejja għamilt dan;
u bl-għaqal tiegħi, għax moħħi jilħaqli,
neħħejt il-fruntieri tal-popli,
u ħtaftilhom ġidhom,
u bħall-ġorf niżżilt lis-slaten.
U idi, bħallikieku sabet bejta,
ħatfet ġid il-popli.
Bħalma jiġbru l-bajd mitluq,
jien ġbart l-art kollha,
bla ma ħadd ħarrek ġwenħajh,
jew fetaħ munqaru u pespes”.
Forsi qatt ftaħret il-mannara kontra min iqaċċat biha?
Forsi l-munxar qatt qam għal min jaħdem bih?
Bħallikieku l-ħatar jista’ jħarrek lil min jerfgħu,
jew l-għasluġ lil dak li mhux xi biċċa għuda!
Għalhekk għad jibgħat is-Sid, il-Mulej tal-eżerċti,
l-għelubija f’simnitu,
u f’ġewwenih iqabbadlu l-ħruq, il-ħruq tan-nar.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 93 (94), 5-6.7-8.9-10.14-15
R/. (14a): Il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu
Huma jkasbru, Mulej, lill-poplu tiegħek,
u jgħakksu lill-poplu ta’ wirtek.
Joqtlu l-armla u l-barrani,
u l-mewt jagħtu lill-iltiema. R/.
U jgħidu: “Ma jarax il-Mulej;
ma jintebaħx Alla ta’ Ġakobb”.
Ifhmuha, intom nies boloh fost il-poplu!
Nies bla moħħ, meta se tintebħu? R/.
Forsi min għamel il-widnejn ma jismax?
Jew min sawwar l-għajnejn ma jarax?
Taħsbu li min iwiddeb lill-ġnus ma jrażżanx?
Jew m’għandux għerf min jgħallem lill-bniedem? R/.
Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu,
ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.
Għax il-ħaqq jerġa’ jsir bil-ġustizzja,
u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.
Mt 11, 25-27
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu