16 ta’ Lulju
L-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu
Tifkira Obbligatorja
QARI I
Slat 18: 42b-45a
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
Elija tela’ fuq il-quċċata tal-Karmel, inxteħet fl-art, u qiegħed wiċċu bejn irkopptejh. U qal lill-qaddej tiegħu: “Itla’ u ħares lejn in-naħa tal-baħar”.
Dak tela’, ħares, u qal: “Ma hemm xejn”. Qallu: “Erġa’ mur seba’ darbiet”. Mas-seba’ darba qabad jgħajjat: “Ara, hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel, tielgħa mill-baħar”. Qallu Elija: “Mur għidlu lil Aħab: ‘Arma ż-żwiemel u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita”. Malli dan, is-sema swied, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita kbira.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 14
R/.: Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min joqgħod fuq il-għolja mqaddsa tiegħek? R/.
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassax bi lsienu,
ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru. R/.
Min ma jqisx lill-bniedem il-ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11:28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ġw 19:25-27 (jew jista’ jinqara Mt 12:46-50)
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien: Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek.”
Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu