Qari tal-Quddies tat-Tlieta tas-XVI-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Jarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar.
Mik 7, 14-15.18-20

Għeluq il-Ktieb tal-Profeta Mikea

Irgħa l-poplu tiegħek taħt ix-xettru tiegħek,
il-merħla, il-wirt tiegħek,
maqtugħa għaliha ġol-foresta,
fil-qalba ta’ ġnejna sabiħa.

Jalla tirgħa f’Basan u f’Gilgħad,
bħal fiż-żmien ta’ dari!
Urina għeġubijietek,
bħal meta ħriġt mill-Eġittu.
Min hu Alla bħalek li jneħħi l-ħażen,
u jaħfer id-dnub lil fdal wirtu?
Hu ma żammx il-korla tiegħu għal dejjem,
għax lilu jogħġbu juri ħniena.
U hu jerġa’ jħenn għalina,
jixħet ħżunitna taħt saqajh,
jarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar.
Ġib ruħek ma’ Ġakobb bil-fedeltà,
bil-ħniena ma’ Abraham,
bħalma ħlift lil missirijietna minn żmien il-qedem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 84 (85), 2-4.5-6.7-8

R/. (8a): Uri lilna, Mulej, it-tieba tiegħek

Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek;
reġġajt ’il Ġakobb lura mill-jasar.
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek;
ħfirtilhom dnubiethom kollha.
Reġġajt lura l-qilla tiegħek;
taffejt is-saħna tal-korla tiegħek. R/.

Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna,
warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
Se tibqa’ għal dejjem tinkorla għalina?
Se tibqa’ għal dejjem tagħdab kontrina? R/.

Mhux int li terġa’ tagħtina l-ħajja,
biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
Uri lilna, Mulej, it-tieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti!”
Mt 12, 46-50

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, kif Ġesù kien għadu qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk”. Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?”. Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu