Qari tal-Quddies tat-Tnejn tas-XVII-il ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Dan il-poplu jiġrilu bħal dan il-ħżiem li ma jiswa għal xejn.
Ġer 13, 1-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan qalli l-Mulej: “Mur u ixtri ħżiem tal-għażel għal qaddek, u dawru ma’ ġenbejk bla ma xxarrbu bl-ilma”.

U jien mort nixtri l-ħżiem bħalma qalli l-Mulej, u dawwartu ma’ ġenbejja. Għat-tieni darba kellimni l-Mulej u qalli: “Aqbad il-ħżiem li xtrajt, li hemm ma’ ġenbejk; qum, mur ħdejn ix-xmara Ewfrat, u aħbih hemm f’xaqq ta’ blata”. U jien mort ħbejtu ħdejn l-Ewfrat, kif qalli l-Mulej. Wara ħafna żmien il-Mulej raġa’ kellimni u qalli: “Qum, mur ħdejn l-Ewfrat, u ħu minn hemm il-ħżiem li jien ikkmandajtek taħbi hemm”. U mort ħdejn l-Ewfrat, ħaffirt, u ġbart il-ħżiem minn fejn kont ħbejtu. U l-ħżiem sibtu mherri u ma jiswa għal xejn. U l-Mulej raġa’ kellimni u qalli. “Dan jgħid il-Mulej: Hekk inxejjen il-kburija ta’ Ġuda u l-kburija bla qies ta’ Ġerusalemm. Dan il-poplu ħażin, li ma jridx jisma’ kliemi, li jrid bilfors jimxi mal-ebusija ta’ qalbu, u mar jaqdi allat oħra u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom, dan il-poplu jiġrilu bħal dan il-ħżiem li ma jiswa għal xejn. Għax bħalma bniedem jorbot il-ħżiem ma’ ġenbejh, hekk jien irbatt miegħi d-dar kollha ta’ Iżrael, u d-dar kollha ta’ Ġuda, jgħid il-Mulej, biex tkun għalija poplu, isem, foħrija, sebħ; imma ma semgħux”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dewt 32, 18-19.20.21

R/. (ara 18a): Int insejt ’l Alla, li nisslek

Int insejt il-Blata li wilditek,
insejt ’l Alla li nisslek.
Il-Mulej ra dan, u fil-korla tiegħu
stmerr ’l uliedu, subien u bniet. R/.

20U qal: “Naħbi wiċċi minnhom,
u nara xi jsir minnhom.
Għax nisel ħażin huma,
ulied li kelma ma jżommuhiex”. R/.

“Kebbsuli l-għejra b’dak li mhux alla,
regħxuni b’allathom fiergħa;
u jiena nkebbsilhom l-għejra b’dak li poplu mhux,
irregħexhom b’nies bla moħħ”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Gal 1, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Għax ried il-Missier, wilidna bil-kelma tal-verità,
biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Iż-żerriegħa tal-mustarda ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha.
Mt 13, 31-35

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ġab lill-folla parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”. Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”. Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:
“Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija
sa mit-twaqqif tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: