16. Il-Knisja għandha Natura Sagramentali

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 27/11/1991.

1. Skont il-Konċilju Vatikan II, “il-Knisja hija fi Kristu bħala sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma Alla u tal-għaqda tal-ġeneru uman kollu” (LG 1).

Din id-duttrina proposta sa mill-bidu tal-kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja, titlob daqsxejn kjarifika, li sejrin nagħmlu fil-katekeżi preżenti. Ejjew nibdew billi ninnutaw li t-test li għadna kemm ikkwotajna dwar il-Knisja bħala “sagrament” jinsab fil-Kostituzzjoni Lumen gentium fil-qasam tal- ewwel kapitolu, li jġib it-titolu ta’: “Il-Misteru tal-Knisja” (De Ecclesiae Mysterio). Hemm bżonn mela li nfittxu l-ispjega ta’ din is-sagramentalità attribwita lill-Knisja mill-Konċilju fil- kuntest tal-misteru (“Mysterium”) kif inhi mifhuma f’dak l-ewwel kapitolu tal-Kostituzzjoni.

2. Il-Knisja hija misteru divin, għaliex tattwa fiha il-disinn (jew pjan) divin tal-fidwa tal-umanità, jiġifieri “il-misteru tas-saltna ta’ Alla” irrivelat fil-kelma u fl-eżistenza stess ta’ Kristu. Dan il-misteru huwa rivelat minn Ġesù l-ewwelnett lill-Appostli: “Lilkom ġie rivelat il-misteru tas-saltna ta’ Alla; lil dawk ta’ barra iżda kollox jiġi espost permezz tal-parabboli” (Mk 4, 11).

Is-sinifikat tal-parabboli tas-Saltna, li għalihom iddedikajna katekeżi preċedenti, isib l-ewwel twettiq fundamentali diġa fl-inkarnazzjoni u t-twettiq tiegħu fiż-żmien li jinfirex bejn l-għid tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet sa Għid il-Ħamsin f’Ġerusalem, fejn l-Appostli u l-membri tal-ewwel komunità irċivew il-Magħmudija tal-Ispirtu tal-verità, li rrendihom kapaċi li jagħtu xhieda lil Kristu. Kien f’dak l-istess żmien li l-misteru etern tal-pjan divin tal-fidwa tal-umanità jilbes mill-ġdid il-forma viżibbli tal-Knisja-poplu ġdid ta’ Alla.

3. L-ittri pawlini dan jesprimuh b’mod partikolarment espliċitu u effikaċi. Infatti l-Appostlu jħabbar lil Kristu “skont ir-rivelazzjoni tal-misteru miżmum moħbi fis-skiet għal sekli eterni, imma rrivelat issa” (Rm 16, 25-26). “Il-misteru moħbi minn sekli u minn ġenerazzjonijiet, imma issa mmanifestat lill-qaddisin tiegħu, li lilhom Alla ried jurihom il-għana glorjuż ta’ dan il-misteru f’nofs il-pagani, jiġifieri Kristu fikom, tama tal-glorja” (Kol 1, 26-27): dan huwa l-misteru rivelat għall-konsolazzjoni tal-qlub, għat-taħriġ fil-karità, għall-ilħuq ta’ intelliġenza sħiħa tal-għana li fih (cf. Kol 2, 2). U fl-istess ħin l-Appostlu jitlob lill-Kolossin biex jitolbu “sabiex Alla jiftaħ il-bieb tal- (u għall-) predikazzjoni u nkunu nistgħu inħabbru l-misteru ta’ Kristu”, waqt li awgura għalih innifsu (li jkun jistà jimmanifestah tassew, waqt li nitkellem kif imiss” (Kol 4, 3-4).

4. Jekk tali misteru divin, jew aħjar il-misteru tal-fidwa tal-umanità fi Kristu, hu b’mod speċjali l-misteru ta’ Kristu, dan huwa iżda ddestinat “għall-bnedmin”. Infatti naqraw fl-ittra lill-Efesin: “Dan il-misteru ma kienx immanifestat lill-bnedmin tal-ġenerazzjonijiet preċedenti bħal ma fil-preżent kien irrivelat lill-qaddisin appostli u profeti tiegħu permezz tal-Ispirtu: li l-Ġentili jiġifieri huma msejħa, f’Ġesù Kristu, biex jieħdu sehem fl-istess wirt, biex jiffurmaw l-istess ġisem u biex jieħdu sehem fil-wegħda permezz tal-Vanġelu, li – iżid l-Appostlu – jiena sirt ministru bid-don tal-grazzja ta’ Alla  mogħtija lili bis-saħħa tal-effettività tal-qawwa tiegħu” (Ef 3, 5-7).

5. Dan it-tagħlim jerġà jiġi rkuprat u ripropost mill-Konċilju Vatikan II, li jgħid: “Kristu, meta kien imgħolli fil-għoli minn l-art, ġibed lil kulħadd lejh (cf. Ġw 12, 32); waqt li meta qam mill-imwiet (cf. Rm 6, 9) huwa xeħet fl-Appostli l-Ispirtu li jgħajjex tiegħu, u permezz tiegħu fforma Ġismu li huwa l-Knisja, bħala sagrament universali tal-fidwa” (Lumen Gentium, 48). U iżjed: “Alla sejjaħ lil dawk kollha li jħarsu bil-fidi lejn Ġesù, awtur tal-fidwa u bidu ta’ għaqda u paċi, li waqqaf il-Knisja, sabiex tkun għal kulħadd u għal kull individwu sagrament viżibbli ta’ din il-għaqda feddejja” (Lumen Gentium, 9).

Mela l-inizjattiva eterna tal-Missier li jnissel il-pjan feddej, immanifestat lill-umanità u attwat fi Kristu, tikkostitwixxi s-sies tal-misteru tal-Knisja, li fiha l-misteru, bl-opra tal-Ispirtu Santu, jiġi pparteċipat lill-bnedmin, nibdew mill-Appostli. Minħabba din il-parteċipazzjoni fil-misteru ta’ Kristu l-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu. Ix-xbiha u l-kunċett pawlin tal-“ġisem ta’ Kristu” jesprimu fl-istess ħin il-verità tal-misteru tal-Knisja u l-verità tal-karattru viżibbli tagħha fid-dinja u fl-istorja tal-umanità.

6. It-terminu Grieg mysterion ġie tradott fil-Latin bħala sacramentum. F’dan is-sens jużah il-maġisteru konċiljari fit-testi kkwotati hawn fuq. Fil-Knisja Latina, il-kelma “sacramentum” ħadet sens tejoloġiku iktar speċifiku, waqt li għażlet is-sebà sagramenti. Huwa ċar li l-applikazzjoni ta’ dan is-sens għall-Knisja ma jistax ikun magħmul għajr b’mod analoġiku.

Infatti, skont it-tagħlim tal-Konċilju ta’ Trentu, sagrament “huwa s-sinjal ta’ ħaġa qaddisa u l-espressjoni viżibbli tal-grazzja inviżibbli” (cf. Denz.-S. 1639). Bla ebda dubju, tali definizzjoni tistà tkun irriferuta b’sens analoġiku għall-Knisja.

Hemm bżonn iżda li ninnutaw li din id-definazzjoni mhix biżżejjed biex tesprimi dak li hija l-Knisja. Hija hi sinjal, imma mhix biss sinjal; hija wkoll, minnha nfiha, frott tal-opra redentriċi. Is-sagramenti huma mezzi ta’ santifikazzjoni; il-Knisja iżda hija assembleja tal-persuni mqaddsa; hija tikkostitwixxi mela l-għan tal-intervent feddej (cf. Ef 5, 25-27).

B’dawn il-preċiżjonijiet magħmulin, it-terminu “sagrament” jistà jkun applikat għall-Knisja. Infatti, il-Knisja hija s-sinjal tal-fidwa mwettqa minn Kristu u ddestinata għall-bnedmin kollha permezz tal-opra tal-Ispirtu Santu. Is-sinjal huwa viżibbli: il-Knisja, bħala komunità tal-Poplu ta’ Alla, għandha karattru viżibbli. Is-sinjal huwa wkoll effikaċi, la darba l-aċċess fil-Knisja jipprovdi lill-bnedmin l-għaqda ma’ Kristu u l-grazzji kollha meħtieġa għas-salvazzjoni.

7. Meta wieħed jitkellem dwar is-sagramenti bħala sinjali effikaċi tal-grazzja feddejja mwaqqfa minn Kristu u ċcelebrati f’ismu mill-Knisja, l-analoġija tas-sagramentali f’relazzjoni mal-Knisja tibqà minħabba l-irbit organiku bejn il-Knisja u s-sagramenti, imma hemm bżonn inżommu f’moħħna li din mhix identita sostanzjali. Infatti ma nistgħux nattribwixxu għat-totalità tal-funzjonijiet u tal-ministeri tal-Knisja l-istituzzjoni divina u l-effettività tas-sebà sagramenti. Barra minn dan, fl-Ewkaristija hemm preżenza sustanzjali ta’ Kristu, li wieħed bla ebda dubju ma jistax jestendiha għall-Knisja kollha. Nipposponu għal waqt ieħor spjega ikbar ta’ dawn id-differenzi. Imma nistgħu nikkonkludu din il-katekeżi bl-osservazzjoni ferrieħa li l-irbit organiku bejn il-Knisja-Sagrament u s-sagramenti ndividwali hija partikolarment stretta u essenzjali propju fir-rigward tal-Ewkaristija. Infatti, ladarba l-Knisja (bħala sagrament) tiċċelebra l-Ewkaristija,   daqs tant l-Ewkaristija tattwa, tagħmel preżenti, il-Knisja. Il-Knisja tesprimi ruħha fl-Ewkaristija, u l-Ewkaristija tagħmel il-Knisja. B’mod speċjali fl-Ewkaristija l-Knisja hija u saret dejjem iktar is-sagrament “tal-għaqda intima ma’ Alla” (cf. Lumen Gentium, 1).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: