Illum il-Knisja tfakkar lil San Norbertu


Fis-6 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Norbertu, Isqof li għex bejn is-snin 1080 sa 1134.

San Norbertu twieled minn familja nobbli u sinjura ħafna f’Xanten, fuq ix-xmara Rhine, il-Ġermanja. Ġie mrobbi fil-lussu, fil-kumdità, fil-ħela. Għalkemm ġie ordnat Suddjaknu u ġie mqabbad fil-qorti ta’ Enriku V, Imperatur tal-Ġermanja biex iqassam il-karità, kien ħsiebu biss li jiddeverti.

Darba waħda, waqt li kien fuq żiemel għaddej mill-kampanja nqabad f’maltempata, u minħabba sajjetta fil-qrib, iż-żiemel sfratta u Norbertu waqa’ minn fuqu u ntilef minn sensih. Meta ġie f’tiegħu għaraf kemm kien qrib tal-mewt, u li bil-ġid kollu li kellu, kien ser jidher quddiem Alla b’idu f’idu, u għalhekk iddeċieda li jbiddel ħajtu.

Minkejja l-ostakli li għamlulu niesu u ħbiebu, baqa’ determinat li jgħix ħajja tajba. Għadda sentejn iħejji ruħu biex isir qassis u kien ordnat f’Cologne fl-1115 meta kellu 35 sena. Ftit wara rriżenja għall-benefiċċji ekklesjastiċi, biegħ il-proprjetà u qassam dak li daħħal lill-fqar; żamm biss bagħal, 40 munita tal-fidda, missal, kalċi, patena u ftit abiti sagri. Imbagħad mar bil-mixi, ħafi, u bla sold, jiltaqa’ mal-Papa Ġelasju II, li kien f’St. Giles, fi Franza, u akkwista min għandu s-setgħa li jipprietka kull fejn kien iħoss il-bżonn. Sar predikatur kbir, u mar jipprietka wkoll fil-Belġju, u fi Franza.

L-isqof riedu jirriforma komunità ta’ kononiċi regolari iżda Norbertu kien strett wisq magħhom. Għalhekk huwa rtira fil-wied ta’ Prémontré ħdejn Laon fit-tramuntana ta’ Franza. Fl-1121, fuq talba tal-Papa Kallistu II, li kien fil-Konċilju ta’ Reims, il-Ġermanja, waqqaf l-Ordni tal-Premonstratensi jew Norbertini, kanoniċi regolari taħt ir-regola ta’ Santu Wistin, li jgħaqqdu ħajja ta’ għamla monastika ma’ ministeru attiv. L-ewwel 40 sieħeb li ngħaqdu miegħu fi ftit xhur, ipprofessaw il-voti fil-Milied tas-sena 1121. L-ordni kiber ħafna f’ħajtu.

Fl-1126, Norbertu ġie maħtur Isqof ta’ Magdeburg mill-Imperatur Lothair II, li ried jagħmlu wkoll kanċellier. Iżda minkejja l-kariga għolja, xorta baqa’ jgħix fiċ-ċaħda bħallikieku baqa’ fil-monasteru. Il-ħeġġa tiegħu ġiebet riformi kbar fid-djoċesi, imma kellu wkoll għedewwa li għalihom ħajtu kienet ċanfira. Flimkien ma’ San Bernard Abbati ħadem ħafna biex ineħħi d-diżordnijiet kawżati mix-xiżma tal-antipapa Anakletu II.

Meta kien f’Magdeburg, fir-ritorn minn Ruma flimkien mal-Imperatur Lothaire, San Norbertu ħassu ħażin, u wara erba’ xhur marid, radd ruħu ’l Alla fis-6 ta’ Ġunju, 1134 fl-għomor ta’ 54 sena. Iddikjarah qaddis il-Papa Girgor XIII fl-1582.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com