Qari tal-Quddies ta’ San Bartilmew, appostlu (F)


Stampa t-test tal-qari …

24 ta’ Awwissu
San Bartilmew, Appostlu
Festa

QARI I
Apok 21: 9b-14

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi

L-anġlu ġie jkellimni u qalli: “Ejja nurik il-Għarusa mart il-Ħaruf.”

U ħadni fl-Ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, bis-sebħ ta’ Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru jleqq daqs il-kristall. Għandha ħajt kbir u għoli, bi tnax-il bieb fih, u tnax-il Anġlu fil-bibien, li fuqhom hemm miktuba ismijiet, jiġifieri, l-ismijiet tat-tnax-il tribù ta’ wlied Israel. Tlieta minn dawn il-bibien jagħtu għan-naħa tal-lvant, tlieta għan-naħa tat-tramuntana, tlieta għan-naħa tan-nofsinhar, u tlieta għan-naħa tal-punent. U l-ħajt tal-Belt għandu tnax-il pediment, li fuqhom hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il Appostlu tal-ħaruf.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
144

R/. Ħbiebek ixandru l-ġmiel ta’ saltnatek!

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej,
u ħbiebek iberkuk;
is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Huma jgħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek
u l-ġmiel glorjuż tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna taż-żminijiet kollha,
u l-ħakma tiegħek minn nisel għal nisel. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġieba tiegħu kollha,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
ara Ġw 1:49b

R/. Hallelujah
Rabbi, int l-Iben ta’ Alla, inti s-Sultan ta’ Israel.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġw 1:45-51

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Filippu sab ’il Natanael u qallu: “Sibna ’l dak li fuqu kitbu Mosè, fil-Liġi, u l-profeti, Ġesù ta’ Nazaret, bin Ġużeppi.” Qallu Natanael: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” “Ejja u ara,” wieġbu Filippu. Meta Ġesù ra lil Natanael riesaq lejh, qal: “Hawn hu Israeli li jistħoqqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” Natanael staqsieh: “Rabbi, kif sirt tafni?”

U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt siġra tat-tin qabel ma kellmek Filippu.” “Rabbi,” qallu Natanael, “int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Israel!” Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għidtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn.” U żied jgħidlu: ‘Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla niżlin u telgħin fuq Bin il-bniedem.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.