Qari tal-Quddies tad-Dsatax-il Ħadd ta’ matul is-Sena “A”


Stampa t-test tal-qari …

Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.
1 Slat 19, 9a.11-13a

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien: Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej. Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih.

U Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej”. U ara, il-Mulej għadda. Riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżhiża. U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

QARI II
Nixtieq li jiena nnifsi kont maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti.
Rum 9, 1-5

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, 1ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m’iniex nigdeb, tixhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, li jiena mnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi maqsuma; nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti, nies ġensi skond il-ġisem: l-Iżraelin.

Tagħhom hija l-adozzjoni ta’ wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet, tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem. Amen!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 129 (130), 5

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.
Mt 14, 22-33

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

Wara lin-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu