Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-XXI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.
2 Tess 3, 6-10.16-18

Għeluq tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ħuti, fl-isem tal-Mulej Ġesù Kristu nordnawlkom li żżommu ruħkom ’il bogħod mill-aħwa kollha li jgħixu fl-għażż u li mhumiex jimxu skont it-tradizzjoni li ħadtu mingħandna.

Intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Imxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu. Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.

Jagħtikom is-sliem il-Mulej tas-sliem innifsu dejjem u f’kollox. Il-Mulej magħkom ilkoll. Din hi t-tislima tiegħi b’idi stess, Pawlu; din hi l-firma f’kull ittra tiegħi kif nikteb jien. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom ilkoll.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 127 (128), 1-2.4-5

R/. (ara 1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

Ara, kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 2, 5

Hallelujah. R/. Hallelujah
Kull min iżomm il-kelma ta’ Ġesù Kristu,
fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Intom ulied il-qattiela tal-profeti.
Mt 23, 27-32

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù waqt li kien qed jitkellem qal: “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Qiskom oqbra mbajda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta ta’ ħmieġ! Hekk intom; minn barra tidhru tassew ġusti quddiem il-bnedmin, waqt li minn ġewwa kollkom ipokrisija u ħażen!

Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tibnu l-oqbra lill-profeti, iżżejnu l-monumenti tal-ġusti, u tgħidu: “Kieku konna fi żmien missirijietna ma konniex nissieħbu magħhom u nxerrdu demm il-profeti”, u b’hekk weħidkom tagħtu xhieda li intom ulied il-qattiela tal-profeti! Mela issa komplu sal-aħħar dak li bdew missirijietkom!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu