Qari tal-Quddies tal-Għoxrin Ħadd ta’ matul is-Sena “A”


Stampa t-test tal-qari …

L-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Lil ulied il-frustier inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi.
Is 56, 1.6-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej:
“Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,
għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,
u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ.

Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh,
u biex iħobbu isem il-Mulej,
u jkunu qaddejja tiegħu,
kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux
u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,
lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi,
u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi.
Il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom
ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-artal tiegħi,
għax dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 66 (67), 2-3.5.6.8

R/. (4): Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla

Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,
għax trieġi l-popli bis-sewwa,
u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Iberikna Alla, u tibża’ minnu
l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.

QARI II
Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa li ta lil Iżrael.
Rum 11, 13-15.29-32

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, issa ngħid lilkom, il-pagani. Sakemm jiena appostlu tal-pagani nibqa’ nagħmel ġieħ lill-ministeru tiegħi, bit-tama li nqajjem l-għira ta’ ġensi u hekk insalva lil xi wħud minnhom. Għax jekk it-tkeċċija tagħhom ġiebet il-ħbiberija tad-dinja ma’ Alla, l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid xi jkun ifisser, jekk mhux ħajja mill-imwiet?

Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu. Bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu minħabba d-diżubbidjenza tagħhom; hekk huma wkoll m’humiex jobduh minħabba l-ħniena li sibtu intom mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena.

Għax Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom,
ixandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mara, il-fidi tiegħek kbira.
Mt 15, 21-28

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu