Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Ħażin għal belt id-dmija.
Naħum 2, 1.3; 3, 1-3.6-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Naħum

Ara, fuq il-muntanji hemm ir-riġlejn ta’ min iġib l-aħbarijiet it-tajba,
ta’ min is-sliem ixandar!

Agħmel bil-ferħ il-festi tiegħek, Ġuda, u rodd wegħdietek,
għax ma jżidx jgħaddi minnek ix-xitan Beljal,
intemm għalkollox.
Għax ġedded il-Mulej id-dielja ta’ Ġakobb,
u d-dielja t’Iżrael,
li l-ħallelin żarmawhom
u ħassru l-friegħi tagħhom.
Ħażin għal belt id-dmija,
kollha qerq,
mimlija ħtif,
u s-serq ma jaqta’ xejn!
Ħoss il-frosta, ħoss it-tkarwit tar-roti,
żwiemel ilebbtu ħfief, karrijiet jaqbżu,
rikkieba jħebbu għall-għedewwa tagħhom, ix-xabla tleħħ fid-dija,
il-lanza tilma, kotra ta’ midrubin,
għadd kbir ta’ maqtulin, iġsma bla tarf,
kulħadd imfixkel jaqa’ fil-mejtin!
Inwaddab il-ħmieġ fuqek,
u ġieħek inwaqqagħlek, u nagħmel wirja minnek.
U jiġri mbagħad li min iħares lejk jitwarrab minnek,
u jgħid: “Ninwè meqruda! Min se jitħassarha?
Mnejn infittxilha min iħenn għaliha?”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dewt 32, 35ċd-36ab.39abċd.41

R/. (39ċ): Il-Mulej imewwet u l-Mulej jaħji

Qrib hu jum il-qerda tagħhom,
fis jasal li hemm lest għalihom.
Għax il-Mulej jagħmel ħaqq lill-poplu tiegħu,
u l-qaddejja tiegħu jħenn għalihom. R/.

Araw issa li jien, jien hu,
u m’hemm ebda alla ħdejja.
Jien immewwet u jiena naħji.
Jiena nidrob, u jiena nfejjaq. R/.

Malli nsinn ix-xabla tilma tiegħi,
u tlesti ruħha idi għall-ħaqq,
vendetta nagħmel mill-għedewwa tiegħi,
u nitħallas minn dawk li jobogħduni. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?
Mt 16, 24-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.

Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?

Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skont ma wieħed ikun għamel.

Tassew, ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-Saltna tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu