Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-XX ġimgħa matul is-Sena. San Bernard, abbati u duttur tal-Knisja (TO)


Stampa t-test tal-qari …

L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ruħi ġo fikom.
Eżek 36, 23-28

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid il-Mulej: “Jien inqaddes ismi l-kbir, imkasbar minnkom fost il-ġnus, li f’nofshom kasbartuh, u l-ġnus ikunu jafu li jiena l-Mulej, meta nuri qdusiti fikom quddiem għajnejhom, oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

Neħodkom minn fost il-ġnus u niġmagħkom mill-artijiet kollha, u nerġa’ ndaħħalkom f’artkom. U rroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha.

U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom. U tgħammru fl-art li tajt ’il missirijietkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 50 (51), 12-13.14-15.18-19

R/. (Eżek 36, 25): Irroxx fuqkom ilma safi,
u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom.

Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

Lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;
noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.
Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;
qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 94 (95), 8ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Sejħu għall-festa lil kull min issibu.
Mt 22, 1-14

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ qabad ikellem lill-kbarat tal-qassisin u lill-fariżej bil-parabboli u qalilhom: “Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu. U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.

Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u jdejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien! Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu