Qari tal-Quddies tal-Martirju ta’ Ġwanni l-Battista (TO)


Stampa t-test tal-qari …

29 ta’ Awwissu
Il-Martirju ta’ Ġwanni l-Battista
Tifkira Obbligatorja

QARI I
Ġer 1: 17-19

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

F’dak iż-żmien: Il-Mulej kellimni u qalli: Ħażżem ġenbejk, qum u għidilhom kulma ordnajtlek.

La tibżax minnhom, għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom. Arani, illum sa nagħmel minnek belt fortizza, kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż, kontra l-pajjiż kollu, kontra s-slaten ta’ Ġuda u l-prinċpijiet tiegħu, kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu kollu tal-pajjiż.

Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn, għax jiena nkun miegħek, kelma tal-Mulej, biex neħilsek minnhom.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
70

R/. Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek!

Fik, Mulej, nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Fil-ġustizzja tiegħek ħollni u eħlisni,
mejjel widintek lejja u salvani. R/.

Kun għalija sur tal-kenn
u fortizza qawwija għall-ħelsien tiegħi,
għax blata tiegħi u fortizza tiegħi int.
Alla tiegħi, eħlisni minn id il-ħażin. R/.

Għax int, Mulej, it-tama tiegħi;
Mulej, int il-fiduċja tiegħi sa minn żogħżiti.
Fuqek intlaqt sa minn ġuf ommi,
minn ħdan ommi inti ħadtni. R/.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
kull jum is-salvazzjoni tiegħek.
O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
jiena nxandar s’issa l-għeġubijiet tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
ara Mt 5:10

R/. Hallelujah
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mk 6:17-29

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien: Erodi bagħat jarresta ’l Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba f’Erodja, mart ħuħ Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk.”

Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’, għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża minnu: u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu. Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtik kulma titlobni.”

U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni, kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi.” Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid, x’nitolbu?” “Ras Ġwanni l-Battista,” weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt.” Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jerġa’ lura mill-kelma li taha.

Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.