Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena. San Duminku, presbiteru (TO)


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.
Ħab 1, 12 -2,4

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħabakkuk

Jaqaw m’intix minn dejjem int, Mulej?
M’intix Alla l-Qaddis tiegħi, li ma tmutx?

Mulej, dan minnek sar, biex tagħmel ħaqq,
u sħiħ daqs blata ridtu jkun, b’kastig!
Int għajnejk safja wisq biex tara l-ħażen,
inti ma tiflaħx tħares lejn id-deni;
l-għala nies mill-agħar tħobb tagħti kashom,
iżżomm is-skiet meta min hu ħażin
jibla’ lil min hu aktar minnu ġust?
Int tagħmel il-bnedmin bħall-ħut tal-baħar,
bħall-bhejjem ta’ fuq l-art, bla sid għalihom.
Huwa jtellagħhom kollha bis-sunnara,
u, wara li jressaqhom bix-xbiek tiegħu,
jiġborhom kollha bil-konz tiegħu:
u b’hekk jithenna u jifraħ.
Għalhekk lix-xbiek joffrilu sagrifiċċju,
jaħraq l-inċens quddiem il-konz tiegħu;
għax bihom sehmu joktor
u iklu jkun aktar utiq.
Se jibqa’ jferragħ ix-xibka tiegħu
u joqtol il-ġnus bla waqfien?
Se noqgħod għassa f’posti,
se nibqa’ wieqaf fuq it-torri tiegħi,
nistenna ħalli nara x’sejjer jgħidli,
u kif se jwieġeb għall-ilmenti tiegħi.
Imbagħad il-Mulej wieġeb u qalli:
“Ikteb id-dehra
onqoxha fuq tavlozzi,
hekk li jkun jista’ jħaffef min jaqraha.
Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,
tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx.
Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,
għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!
Arah jinfena min mhux ruħu sewwa,
iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 9, 8-9.10-11.12-13

R/. (11b): Int, Mulej, ma titlaqx ’il min ifittxek

Il-Mulej isaltan għal dejjem,
iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

Ikun il-Mulej kenn għal min hu mgħakkes,
kenn għalih fi żmien id-dwejjaq.
Fik jittama min jagħraf lil ismek,
għax int, Mulej, ma titlaqx ’il min ifittxek. R/.

Għannu lill-Mulej li joqgħod f’Sijon,
xandru fost il-popli l-għemejjel tiegħu.
Hu, li jitħallas mid-demm,
jiftakar fihom, ma jinsiex għajjat l-imsejknin. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kieku għandkom il-fidi ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.
Mt 17, 14-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed raġel niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew fin-nar jew fl-ilma. Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejquh”. Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn”. Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq. Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?”. U hu qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja: “Warrab minn hawn u mur hemm”, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu