Qari tal-Quddies tat-Tlieta tad-XIX-il ġimgħa matul is-Sena. Santa Kjara, Verġni (TO)


Stampa t-test tal-qari …

Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Jien kilt il-ktieb, u f’ħalqi ħassejtu ħelu għasel.
Eżek 2, 8 – 3, 4

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid il-Mulej: “Imma int, o bniedem, isma’ xi ngħidlek jien; tkunx rasek iebsa bħal dawn in-nies ta’ rashom iebsa; iftaħ ħalqek u kul dak li se nagħtik”.

Jien ħarist u rajt id riesqa lejja, u ara, f’dik l-id kien hemm ktieb imkebbeb. Fetħu quddiemi, u rajt li kien miktub minn quddiem u minn wara; kien hemm miktub fih tnehid u biki u ħsara.

U qalli: “O bniedem, kul dak kollu li ssib; kul dan il-ktieb, u mbagħad mur u kellem lil dar Iżrael”. Jien ftaħt ħalqi, u hu temmagħni dak il-ktieb. U qalli: “O bniedem, ħa jibilgħu l-istonku tiegħek, u jimtela l-ġewwieni tiegħek b’dan il-ktieb li qiegħed nagħtik”. Jien kiltu, u f’ħalqi ħassejtu ħelu għasel. U qalli: “O bniedem, aqbad u mur għand dar Iżrael, u wasslilhom dan il-kliem tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 14.24.72.103.111.131

R/. (103a): Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek, Mulej!

Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek,
daqs kieku kelli l-għana kollu.
Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi,
huma jagħtuni l-parir tajjeb. R/.

Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok
mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.
Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!
Oħla mill-għasel għal fommi. R/.

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem;
huma l-għaxqa ta’ qalbi.
Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,
għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 29ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,
u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar.
Mt 18, 1-5.10.12-14

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak il-waqt resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?”. Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.

Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet. Intom x’jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfu. Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu