Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-XX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
M’intix ħlief bniedem, u mhux alla; ħsibt li għerfek hu għerf l-allat.
Eżek 28, 1-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
“O bniedem, għid lill-prinċep ta’ Tir: Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Int tkabbart f’qalbek u għedt: “Jien alla!

Jien qiegħed fuq tron l-allat, f’nofs l-ibħra”,
meta m’intix ħlief bniedem, u mhux alla;
u ħsibt li għerfek hu għerf l-allat.
Arak! int egħref minn Danjel, ebda moħba mhi mistura għalik:
b’għerfek u b’dehnek int stagħnejt, ħżint deheb u fidda fit-teżori tiegħek.
Bl-għerf kbir tiegħek u bil-kummerċ tiegħek kattart ġidek,
u qalbek tkabbret b’dan il-ġid.
Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
Talli ħsibt li għerfek hu għerf l-allat,
arani, se nġib fuqek il-barranin, l-aktar nies ħorox fost il-popli,
jisiltu x-xwabel tagħhom kontra ġmiel għerfek,
u jżebilħulek sebħek.
Iniżżluk fil-ħofra,
u tmut il-mewta iebsa tal-midrubin f’nofs ta’ baħar.
Tibqa’ tgħid imbagħad: “Jien alla”, quddiem il-qattiela tiegħek?
Meta m’intix ħlief bniedem, u mhux alla,
f’idejn dawk li jidorbuk!
Int tmut il-mewt ta’ nies bla ħtin,
f’idejn il-barranin, għax jien tkellimt”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dewt 32, 26-27ab.27ċd-28.30.35ċd-36ab

R/. (39ċ): Ħadd ma hemm li jeħles minn idejja
jew Salvana, Mulej, għall-glorja ta’ ismek

Jien kont ngħid: kieku rrid neqridhom,
tifkirthom inħassar minn qalb in-nies,
li kieku ma bżajtx miż-żeblih tal-għadu. R/.

Li ma jaħsbux dawk li għakksuh u jgħajtu:
Bis-saħħa ta’ jdejna rbaħna,
mhux il-Mulej li għamel dan.
Ġens bla ħsieb, u nies bla fehma. R/.

Kif jista’ jkun li wieħed jiġri wara elf,
u tnejn iħarrbu għaxart elef,
jekk mhux għax il-Blata tagħhom begħithom,
u l-Mulej telaqhom? R/.

Għax qrib hu jum il-qerda tagħhom,
fis jasal li hemm lest għalihom”.
Għax il-Mulej jagħmel ħaqq lill-poplu tiegħu,
u l-qaddejja tiegħu jħenn għalihom. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Kor 8, 9

Hallelujah. R/. Hallelujah
Sidna Ġesù Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 19, 23-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom li l-għani se jsibha iebsa biex jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet! Iva, nerġa’ ngħidilkom, eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet”.

Id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun; għal Alla kollox jista’ jkun”.

Imbagħad qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?”. Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael. U kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem. U ħafna li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar, u tal-aħħar jiġu l-ewwel”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu