Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-XXII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Ħabbartilkom lil Kristu msallab.
1 Kor 2, 1-5

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref.

Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab. U jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed; il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 97.98.99.100.101.102

R/. (97a): Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej!

Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!
Il-jum kollu ħsiebi fiha.
Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi,
jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi. R/.

Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi kollha,
għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.
Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal,
għax inħares il-preċetti tiegħek. R/.

Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja,
biex inħares il-kelma tiegħek.
Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed,
għax int kont li għallimthomli. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Lq 4, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu tal-Mulej fuqi:
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin… ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.
Lq 4, 16-30

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: “Tabib, fejjaq lilek innifsek; dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll”.

U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon.

U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu