Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-XXIV ġimgħa matul is-Sena. San Kornelju u San Ċiprijanu (TO)


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!
1 Kor 12, 31 – 13, 13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, intom ħabirku għal doni ogħla. Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll.

Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.

L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa; imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ, jgħib dak li hu nieqes. Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija.

Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa. Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 32 (33), 2-3.4-5.12 u 22

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.
Għannulu għanja ġdida;
doqqulu bis-sengħa u b’leħen qawwi. R/.

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu.
Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;
inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma ħabbattux fuq sidirkom.
Lq 7, 31-35

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal: “Ma’ min, mela, se nxebbahhom in-nies ta’ dan iż-żmien? Lil min jixbhu? Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajtu lil xulxin u jgħidu: “Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma ħabbattux fuq sidirkom!”. Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li “għandu fih xitan”. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu: “Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!” Imma l-ulied ta’ Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu