Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-XXIII ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Inti marbut ma’ mara? Tfittixx li tinħall. Maħlul minn mara? Tfittixx mara.
1 Kor 7, 25-31

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, dwar dawk li mhumiex miżżewġin, ma għandi ebda preċett mill-Mulej, iżda nagħtikom parir bħala wieħed li, għall-ħniena tal-Mulej, hu bniedem ta’ fiduċja.

Jidhirli, mela, li, minħabba t-taħbit tal-lum, ikun sewwa għal dak li jkun jekk jibqa’ kif inhu. Inti marbut ma’ mara? Tfittixx li tinħall. Maħlul minn mara? Tfittixx mara. Imma wkoll jekk tiżżewweġ, ma tidnibx; anqas jekk xebba tiżżewweġ, ma tidneb. Nies bħal dawn ikollhom it-taħbit tal-ħajja, u jiena rrid kieku neħliskom minnu.

Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 44 (45), 11-12.14-15.16-17

R/. (11a): Isma’, binti, ħares u agħti widen

Isma’, binti, ħares u agħti widen,
insa ’l ġensek u ’l dar missierek.
Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek;
u int, għax hu sidek, agħtih qima. R/.

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar,
minsuġ bid-deheb ilbiesha.
Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha,
it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha. R/.

Jittieħdu b’għajjat ta’ ferħ u hena;
jidħlu fil-palazz tas-sultan.
Flok missirijietek jilħqu wliedek;
inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 6, 23ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, jgħid il-Mulej,
għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Henjin intom il-foqra. Ħażin għalikom, intom l-għonja.
Lq 6, 20-26

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:
“Henjin intom il-foqra,
għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla.
Henjin intom li għalissa bil-ġuħ,
għax għad tkunu mxebbgħin.
Henjin intom li għalissa tibku,
għax għad tithennew.
Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom,
jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom
bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.
Dakinhar li jiġrilkom hekk,
Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.
L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja,
għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.
Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin,
għax għad tkunu bil-ġuħ.
Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku,
għax għad tnewħu u tibku.
Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid.
Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading