Qari tal-Quddies tal-Erbgħa u Għoxrin Ħadd ta’ matul is-Sena “A”


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Aħfer il-proxxmu dnubietu, u mbagħad dnubietek jinħafrulek.
Sir 27, 30 – 28, 7

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Għadab u qilla, dawn ukoll ta’ min jistmerrhom,
u l-bniedem midneb mimli bihom.

Min ifittex jitħallas b’idejh, isib ħlasu mingħand il-Mulej,
li jifli sewwa dnubietu.
Aħfer il-proxxmu dnubietu,
u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.
Bniedem irawwem għadab għal ieħor,
u mbagħad se jfittex fejqan mingħand il-Mulej?
Minn bniedem bħalu m’għandux ħniena,
u mbagħad se jitlob għal dnubietu?
Jekk bniedem jibqa’ mgħaddab,
min se jpattilu għal dnubietu?
Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda;
ftakar fit-taħsir u l-mewt,
u oqgħod għall-kmandamenti.
Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu;
ftakar fil-patt tal-Għoli u agħlaq għajnejk għall-offiża.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 102 (103), 1-2.3-4.9-10.11-12

R/. (8): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

QARI II
Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.
Rum 14, 7-9

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 13, 34

Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;
li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma ngħidlekx taħfer sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Mt 18, 21-35

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu