Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-XXII ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Il-Mulej jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub.
1 Kor 4, 1-5

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti,1in-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla.

Issa barra minn dan, l-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili. Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b’daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani! Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej: hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 36 (37), 3-4.5-6.27-28.39-40

R/. (39a): Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;
għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;
qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,
u jagħtik dak li tixtieq qalbek. R/.

Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek,
afda fih, u jagħmel hu.
Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek,
u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar. R/.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,
biex tibqa’ tgħammar għal dejjem.
Għax il-Mulej iħobb is-sewwa,
u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu;
hu jħarishom għal dejjem. R/.

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;
hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.
Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,
isalvahom għax fih jistkennu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, imbagħad isumu dakinhar.
Lq 5, 33-39

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u l-kittieba tagħhom qalu lil Ġesù: “Id-dixxipli ta’ Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!”. U Ġesù qalilhom: “Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar”.

Qalilhom ukoll parabbola: “Ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa’ waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta’ l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima. Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani. Iżda nbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda. U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek: “Il-qadim tajjeb!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading