Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
QARI I
Xejn ġdid m’hemm taħt ix-xemx.
Koħ 1, 2-11
Qari mill-Ktieb ta’ Koħèlet
O frugħa tal-frugħat, jgħid Koħèlet.
O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!
Xi qligħ għandu l-bniedem mit-taħbit tiegħu kollu,
li jġarrab taħt ix-xemx?
Ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi,
imma l-art tibqa’ għal dejjem.
Ix-xemx titla’, ix-xemx tinżel,
u tgħaġġel lejn mnejn titla’.
Jonfoħ ir-riħ lejn in-Nofsinhar, u lejn it-Tramuntana jdur,
u jerġa’ lura lejn it-tidwir tiegħu.
Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru,
iżda ma jimteliex il-baħar bihom;
mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom,
’l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru.
Kollox fih it-taħbit tiegħu,
u dan il-bniedem ma jasalx li jfissru.
L-għajn ma tixbax tara,
u ma timtela qatt bis-smigħ il-widna.
Dak li ġa sar hu dak li għad isir,
li ġara huwa dak li għad jiġri;
xejn ġdid m’hemm taħt ix-xemx.
Hemm xi ħaġa li fuqha tista’ tgħid:
“Ara din ħaġa ġdida”?
Le, din diġà kienet fiż-żminijiet qabilna.
La dak li sar qabilna ma niftakru,
lanqas niftakru dak li jsir warajna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 89 (90), 3-4.5-6.12-13. 14 u 17
R/. (1): Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel
Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”
Elf sena huma għalik
bħal jum tal-bieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. R/.
Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.
Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.
Imliena kmieni bit-tieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 6
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.
Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?
Lq 9, 7-9
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, dawn il-ġrajja kollha waslu f’widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet, waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi. Iżda Erodi qal: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?” U beda jfittex li jarah.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu