Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-XXII ġimgħa matul is-Sena. San Girgor il-Kbir, Papa u Duttur tal-Knisja (TO)


Stampa t-test tal-qari …

It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.
1 Kor 3, 18-23

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref.

Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”; u terġa’: “Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet tal-għorrief”. Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom, sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

R/. (1): Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew warajja, jgħid il-Mulej
u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Telqu kollox u marru warajh.
Lq 5, 1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.

Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”.

Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu